Sunday, March 16, 2025

Grech ikompli bir-retorika ta’ “jekk inkun fil-Gvern”

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kompla bir-retorika tiegħu li bħala partit se jibqgħu jkunu l-partit li joffri alternattiva għall-poplu u li se jkunu huma li jagħtu s-soluzzjonijiet.

Dan għamlu waqt intervent fil-każin Nazzjonalista ta’ Ħal Luqa qabel il-bidu ta’ maratona oħra ta’ ġbir ta’ fondi għall-Partit Nazzjonalista deskritta minnu bħala okkażjoni “f’jum speċjali”.

Hawn ma naqasx l-appell ripetut biex in-nies imorru fid-Dar Ċentrali bi Grech jitlob lin-nies “ejjew biex nitkellmu. Il-pjaċir tagħna huwa li l-familja Nazzjonalista tkompli tikber biex inkomplu nsaħħu lill-partit ħalli nkunu nistgħu nsaħħu lill-pajjiż u lill-poplu Malti”.

Wara li nsista li bħala partit il-PN huma grupp kompatt u b’saħħti, Grech reġa’ semma’ wegħdiet li se jwettaq jekk il-poplu jagħżel lilu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss u jkun huwa fil-Gvern. Il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun il-vuċi tal-poplu.

“Se nkunu u nibqgħu l-partit li noffru alternattiva lill-poplu Malti u Għawdxi mhux biss bil-pjan ekonomiku tagħna, mhux biss kif se nkunu qegħdin inbiddlu u nsaħħu diversi setturi fil-pajjiż, imma kif se nkomplu nagħtu s-soluzzjonijiet lin-nies”.

Hawn huwa semma’ kif is-Sibt li għadda l-PN kellu konferenza  f’Għawdex fejn issa l-Oppożizzjoni “tat is-siġill” ta’ kif inhuwa possibbli li l-konnettività ta’ Għawdex tkun garantita taħt Gvern Nazzjonalista. Grech reħila jfakkar kif, “wara li 20 sena ilu bħala gvern investejna fi tliet vapuri ġodda li għandhom sal-lum, imn’alla hemm huma, se nkunu aħna li se nżidu r-raba’ u l-ħames vapuri. Li mmorru għal vapuri li ma jħammġux u li anke nkabbru l-port tal-Imġarr Għawdex ħalli nkomplu nsaħħu l-ekonomija Għawdxija u allura, b’aktar potenzjal anke turistiku imma mhux biss. Dan għax irridu kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd, inkluż tal-Għawdxin”.

Grech temm jisħaq li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista huwa wieħed – dak għall-bidla f’Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport