F’intervista oħra li kellu l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ reħilha jattakka u jikkritika Gvern Laburista, gvern li fl-amministrazzjoni tiegħu pajjiżna għamel qabża fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan f’attentat, li għal dawn l-aħħar snin sar l-unika argument ta’ Grech biex jirreklama lilu nnifsu u lill-Partit Nazzjonalista bħala l-għażla li għandu jagħmel il-poplu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Bernard Grech beda biex qajjem il-kwistjoni tal-ftehim kollettiv għall-edukaturi fl-MCAST fejn tefa’ t-tort fuq il-gvern li hemm studenti li se jirrepetu sena. Il-Kap tal-Oppożizzjoni fost l-attakki tiegħu qal li għandna gvern li jidħol f’kunflitt ma’ kulħadd mentri lura ħafna fil-passat, meta kien hemm il-PN fil-gvern, saħaq li, “aħna ħloqna kunsens nazzjonali dwar diversi issues fil-pajjiż fosthom it-toroq u l-gvernanza. Dan il-pajjiż għandu bżonn tmexxija tas-soluzzjonijiet… Kif għamilna aħna ma’ kull min kien jistħoqqlu kundizzjonijiet aħjar bħall-għalliema u l-infermiera. Aħna se nibqgħu niġġieldu għalihom”.
Hawn il-Kap tal-PN nesa’ jew ma riedx isemmi li kien l-istess Gvern Laburista li qiegħed jikkritika, huwa l-istess Gvern li laħaq ftehim settorjali storiku proprju għall-għalliema u l-edukaturi ta’ pajjiżna bl-aqwa żiediet u kundizzjonijiet li qatt ingħataw. Hawn għal darb’oħra Grech reħilha jwiegħed li bħala gvern il-PN, jekk il-poplu jagħżlu, se jkompli jinvesti fost l-oħrajn fil-letturi u l-istudenti.
Attakki perikolużi
Ma setax jonqos li anke f’din l-intervista, il-Kap tal-PN attakka lill-ħaddiema barranin, ħaddiema li f’dawn is-snin irridu nirrikonoxxu li taw servizz u għenu fil-mutur ekonomiku ta’ pajjiżna. Grech saħaq li, “kif sirt kap erba’ snin u tliet xhur ilu kont għidtlu nagħmlu konferenza nazzjonali dwar il-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Kellna erba’ snin li fihom il-gvren baqa’ jżid għexiren ta’ ħaddiema minn barra l-UE u meta għidna li dan huwa piż straordinarju fuq il-pajjiż, kull darba qalilna li qegħdin ngħidu l-ħmerijiet”. Hawn tefa’ t-tort “perikoluż” fuq il-ħaddiema barranin li huwa minħabba f’hekk li l-infrastruttura u s-sistema tas-saħħa qegħdin ibatu.
Rigward dan huwa insista li, “qabel nitkellmu fuq il-migration policy irridu nifhmu x’wassal biex issir din il-policy. Hemm bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq xogħol ta’ kwalità… Issa wara l-elezzjonijiet parlamentari u l-avvanzi tagħna, lest li jagħmel xi ħaġa imma xorta għandu jimporta għexiren ta’ ħaddiema. Aħna kuraġġużi u nemmnu li se nagħmlu mudell ekonomiku ta’ kwalità, mudell li jixraqlek”.
Lejn tmiem l-intervista mimlija propaganda Grech reġa’ nsista li, “għandna bżonn bidla għax kollox qiegħed ifalli u għalhekk għandek bżonn gvern ġdid Nazzjonalista”.