Friday, November 15, 2024

Grech isostni li bil-mudell ekonomiku tal-PN il-Malti jista’ jaqla’ aktar flus

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Malta għandha bżonn Prim Ministru serju li jkun iffukat sabiex ikabbar il-ġid tal-pajjiż, li jiggarantixxi serħan tal-moħħ fis-settur tal-enerġija u li jkun kapaċi jħoss il-polz tal-poplu”. Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’intervista fuq NET FM il-Ħadd filgħodu.

Huwa qal li l-familji jixirqilhom possibbiltà li jrabbu lil uliedhom f’pajjiżhom u mhux ifittxu li jitilqu għall-futur aħjar waqt li żied li l-mudell ekonomiku ta’ Malta jrid ikun wieħed li jagħti stabbilità u serenità. Sostna li pajjiżna jixraqlu mudell ekonomiku ibbażat fuq il-kwalità u mhux li jattira nies li jiġu hawn biex jikkuntentaw b’paga minima u jispiċċaw jostakolaw lill-ħaddiema Maltin. 

“Bil-mudell ekonomiku tagħna, int tista’ taqla’ aktar flus, mhux l-istess bħal-lum imma iktar, jista’ jkollok job aħjar, tkun tista’ jkollok il-proprjetà tiegħek, Malta li tixtieq u jkollok ukoll is-serenità u lil uliedek tagħtihom il-futur li tixtieq”, kompla biex jgħid Grech filwaqt li qal li l-mudell ekonomiku għandu jiddipartixxi mid-dipendenza fuq iż-żieda tal-popolazzjoni biss.

Filwaqt li tkellem dwar dak li huwa ddeskriva bħala gvern nieqes mid-direzzjoni huwa allega li anke dawk il-Ministri li kien għad fadlilhom xi forma ta’ kredibbiltà, issa qegħdin jidhru mod ieħor. Huwa qal dan filwaqt li reġa’ tkellem dwar il-kwistjoni taċ-Chairman tal-Air Malta u t-tweġiba tal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana fil-Parlament. Minkejja li l-istess Caruana wieġeb b’ittra lill-Ispeaker rigward artikli ppubblikati li kienu qegħdin ixekklu l-verità, Caruana qal li hu ma kienx qiegħed jitkellem dwar il-paga tiegħu, iżda mill-ġdid ċaħad l-allegazzjonijiet li David Curmi kien qiegħed jingħata salarju addizzjonali mal-paga tiegħu.

Filwaqt li rrefera għas-sitwazzjoni tal-qtugħ fil-Provvista tal-elettriku fl-aħħar jiem, Grech qal li lanqas ma kienet tagħmel sens li l-gvern jgħid li r-raġuni kienet s-sħana u l-cables meta fl-aħħar jiem ħabbar li se jkun qiegħed iżid l-investiment sostanzjalment fejn tidħol id-distribuzzjoni. Huwa kompla biex jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet anke dwar l-enerġija.

Dwar is-settur tat-traffiku u l-infrastruttura, Grech qal li dan is-settur huwa kkaratterizzat mhux biss min-nuqqas ta’ investiment iżda wkoll min-nuqqas ta’ serjetà b’tenders li wara li jinħarġu jispiċċaw il-Qorti.

Tkellem ukoll dwar dik li sejjah epidemija tas-saħħa mentali fejn qal li qed jiżdiedu s-sitwazzjonijiet ta’ nies li jbatu b’kundizzjonijiet mentali u staqsa x’qed isir biex pajjiżna jindirizza din is-sitwazzjoni.

Rigward l-edukutari, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern għandu jinvesti fihom għall-ġejjieni tat-tfal tagħna u qal li biex pajjiż jimxi ’l quddiem irid jagħraf x’inhuma il-prijoritajiet fl-aħjar interess tal-familji Maltin u Għawdxin kollha.

Ekonomija

Sport