“Irridu nuru li bl-ebda mod ma nabbużaw jew nivvantaġġjaw il-bwiet tagħna waqt li nkunu fil-poter. Għandna obbligu li nkunu trasparenti u kellha tkun pressjoni kbira li saret mill-Oppożizzjoni biex persuni min-naħa tal-gvern jiddikkjaraw l-assi tagħhom fil-parlament”. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività politika mil-lokalità taż-Żurrieq. Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dawn mhux biss ippreżentawhom tard, iżda għamlu dikjarazzjonijiet skorretti b’tali mod li ħafna lanqas biss emmnu dak li hemm miktub fihom.
Rigward il-budget, Grech qal li skont ir-reklamar, dan kellu jkun l-aqwa budget fl-istorja imma li meta tagħsar fih, issib li dan il-gvern mhux qiegħed jippjana fil-bogħod. Huwa qal li jifhem li l-gvern jista’ jkollu pjan u jinqalaw affarijiet minn taħt ir-riħ li jkun jeħtieġ jindirizza.
“Il-problema hija li dan il-gvern qiegħed jindirizza biss l-affarijiet minn taħt ir-riħ, għax pjan fit-tul, pjan li jsaħħaħ l-ekonomija Maltija u li jattira investiment barrani biex ikabbar l-ekonomija bil-valur, dan il-gvern għad m’għandux”, saħaq Grech filwaqt li ddeskriva l-budget bħala wieħed kosmetiku li jgħatti l-problemi u saħansitra jixħethom taħt it-tapit. Grech qal li l-gvern immexxi minn Robert Abela ma ġie bl-ebda pjan ekonomiku ġdid u għalhekk dan huwa gvern li ma jagħtix tama għall-futur.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-partit immexxi minnu, anke bl-assistenza tal-mibki Robert Arrigo ppreżenta d-dokument 2+8 li kull ġurnata li tgħaddi qegħdin nikkonfermaw li kellu jkun il-viżjoni ta’ pajjiżna għat-turiżmu.
Grech tkellem dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera tal-art agrikola u qal li l-gvern minflok qiegħed isib soluzzjoni qiegħed joħloq problemi oħrajn. Huwa qal li dan qiegħed iwassal għal tħassib fost il-bdiewa u li għalhekk dawn attendew bi ħġarhom għal-laqgħat organizzati mill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem.
“Din hija l-wegħda li nibqa’ nagħmlilkom kuljum. Se nibqgħu ffukati fil-ħidma tagħna bħala tim wieħed għalikom u kull wieħed minna ninsabu determinati li nkomplu nagħtu servizz lilkom anke fil-parlament u mill-parlament. Aħna se nibqgħu nippreżentawkom għax int għandek dritt li jkollok gvern li jagħti kasek u int tibqa’ l-ewwel għalija u għall-grupp parlamentari nazzjonalista”, temm jgħid Grech.
Fl-aħħar tal-attività politika, il-ġurnalista Dione Borg ippreżenta kopja tal-ktieb tiegħu ‘Eddie S-Sewwa Jerbaħ Żgur’ u qal li Eddie huwa ispirazzjoni għall-ġenerazzjoni li għexet il-perjodu tiegħu, iżda mhux biss, anke għall-politiċi għaż-żgħażagħ, id-deputati żgħażagħ u l-mexxejja tal-politiċi kollha.