Saturday, May 4, 2024

Grech isostni li jekk hemm bżonn se jagħmilha ta’ Avukat għall-edukaturi

… jgħid li waħda mill-problemi li qiegħda tixħet piż fuqhom hija ż-żieda fil-popolazzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Naffaxxina ruħi nara lil dawn iż-żgħażagħ entużjasti u lesti biex ikomplu jinvestu u jwettqu fis-seħħ dak li tgħallmu”. Filwaqt li beda biex jifraħ lill-gradwati kollha  waqt attività politika mill-Isla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li warajhom dawn l-istudenti m’hemmx biss il-ġenituri, iżda mijiet ta’ edukaturi.

Huwa kompla biex jgħid li l-gvern għandu mijiet ta’ eluf biex jirreklama budget ġust, iżda qiegħed jagħżel li jixxaħħaħ mal-edukaturi.

Dr Grech qal li l-edukaturi ma jistgħux jagħmlu overtime, anzi ħafna drabi jkollhom jagħmlu xogħol addizzjonali wara l-ħin li ma jistgħux jitħallsu tiegħu.

“Però ninsew li l-edukatur ma jistax jieħu l-leave meta jrid. L-edukatur ma jistax jitlaq mill-klassi meta jrid. L-edukatur ma jistax jieħu vaganza meta jrid u meta jieħu vaganza jsib il-high season dejjem għax imur fil-festi u l-vaganzi”, sostna Dr Grech filwaqt li sostna li jekk hemm bżonn il-Partit Nazzjonalista se jkun l-avukat tal-edukaturi. 

Huwa tkellem dwar xogħol dejjem jiżdied u ħajja togħla u għalhekk edukaturi qegħdin jagħżlu li jibdlu l-professjoni. Huwa staqsa jekk pajjiżna jistax jaffordja li jibqa’ jitlef lil dawn l-edukaturi.

Għal darba oħra, Dr Grech reġa’ tkellem dwar il-problema taż-żieda fil-popolazzjoni u qal li din qiegħda taffettwa wkoll lill-edukaturi.

Huwa fakkar lil Bernice Cassar f’għeluq is-sena mill-mewt tagħha u sostna li s-sitwazzjoni għadha l-istess. Huwa ppreżenta email li nbagħtet lill-Prim Ministru rigward sitwazzjoni ta’ każ ta’ vjolenza domestika fejn il-kawża ġiet aġġornata għal disa’ xhur wara. Dr Grech qal li l-gvern mhux jifhem ir-responsabbiltà ta’ daqstant dewmien fil-qrati tagħna u filwaqt li rrikonoxxa l-ħatra ta’ ħames Maġistrati ġodda qal li dan mhuwiex biżżejjed.

Dr Grech temm jgħid li pajjiżna jista’ jimxi ’l quddiem u jmur lejn pagi ta’ kwalità bil-viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza tal-Partit Nazzjonalista biex kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja aħjar.

Sport