Friday, November 15, 2024

Grech isostni li mhux biżżejjed jiżdiedu l-multi jekk ma jiżdiedx l-infurzar fit-toroq

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li minkejja li l-Oppożizzjoni li qiegħda turi lill-Prim Ministru Robert Abela fejn qiegħed jiżbalja, dan tal-aħħar qiegħed ikompli jwebbes rasu.

Grech allega li l-gvern qiegħed kontinwament jinjora d-domandi tal-Oppożizzjoni u tkellem partikolarment dwar il-każ tal-inċident traġiku li fih tilef ħajtu ż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Huwa tkellem dwar pressjoni kontinwa minnu biex il-Prim Ministru jsejjaħ inkjesta indipendenti dwar il-mewt taż-żagħżugħ. Huwa kompla biex jisħaq dwar is-sejħa tiegħu biex tinstab il-verità wara l-mewt tiegħu u saħansitra allega li l-Prim Ministru għandu x’jaħbi. Grech saħaq li bħala Kap tal-Oppożizzjoni se jibqa’ jinsisti li mhux biss ikun hemm liġi, iżda li jiżdied l-infurzar.

Tkellem dwar il-bżonn ta’ iżjed sigurtà fit-toroq u saħaq li mhux biżżejjed li tgħolli l-multi, iżda hemm bżonn affarijiet oħra li jeħtieġ li l-gvern jassigura, fosthom infrastruttura li toffri iżjed toroq siguri lis-sewwieqa tagħna. Huwa sostna wkoll li l-uffiċjali għandhom bżonn li jkollhom it-tagħmir neċessarju biex jagħmlu xogħolhom u għandhom jitħallew jaħdmu bl-aħjar mod. 

Tkellem ukoll dwar is-settur tas-saħħa u allega li l-midja tal-Partit Laburista mhijiex tgħid il-verità rigward il-mediċini out of stock. Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar numru ta’ mediċini li għolew fil-prezzijiet u oħrajn li saħansitra m’għadhomx jingħataw b’xejn.

“Uħud mill-iktar mediċini normali li sippost ikunu disponsibbli huma out of stock. X’differenza minn meta kellna sptar state of the art”, kompla Grech filwaqt li qal li dawk li qabel kienu jintużaw bħala canteen għall-infermieri jew għall-ħażna, spiċċaw inbidlu fi swali għall-pazjenti. Grech saħaq li l-Prim Ministru jippreferi juża l-flus fuq erba’ dinożawri fil-belt jew biex jinawgura l-istess toroq diversi drabi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bir-retorika li Robert Abela jrid idaħħal l-abort f’pajjiżna u li saħansitra jrid jagħżel hu l-Kummissarju tal-Istandards. 

“Għandek dritt għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dritt li jkollok gvern li jifhmek, jirrispettak, jgħadrek u jwennsek għax int għalija valur u mhux prezz. Aħna nistgħu nkunu hemm għalik għax jien irridek li timxi ’l quddiem”, temm jappella Grech.

Ekonomija

Sport