Sunday, December 22, 2024

Grech iwiegħed li taħt il-PN ikollna pajjiż fejn kulħadd jaqla’ iktar flus b’mod seren

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jindirizza lill-folla li nġabret għall-protesta nazzjonali fil-Belt Valletta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech reġa’ attakka lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa u qal li dak li għaddej f’pajjiżna bħalissa huwa parti mill-patt imxajtan fil-ħatra tiegħu. Huwa semma’ wkoll l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u qal li lanqas din mhi tagħmel dmirha u li qiegħda tipproteġi lil dawk li skontu serqu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla f’attakk kontinwu fuq il-Prim Ministru u qal li meta aktar kmieni fid-diskors tiegħu qal li mhux se jħalli lill-Partit Nazzjonalista jkisser il-paċi, hu qal dan għax hu jrid li jħalli lil Joseph Muscat fil-paċi għax inkella jdur u jigdmu, iżda l-folla li nġabret, trid mod ieħor. 

Grech qal li l-Prim Ministru se jsib lill-Partit Nazzjonalista b’saħħtu għax dan verament iħobb lil pajjiżu. Huwa stieden lil Abela biex jiftaħ kawża lil Steward biex iġib il-flus lura li ngħataw fl-aħħar snin. “Sakemm ma tagħmel dan, se tibqa’ ssibna quddiemek. Se tibqa’ ssibna fit-toroq vuċi waħda mal-Laburisti, man-Nazzjonalisti, ma dawk li ma għandhomx partit, ma dawk li ma jridux jivvutaw u ma dawk li ma vvutawx għax aħna rridu partit aħjar”, kompla Grech.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jdejh ħielsa u filwaqt li qal li fl-aħħar jiem tkellem mal-ġenituri ta’ JeanPaul Sofia, saħaq li l-partit immexxi minnu se jkun qiegħed iressaq mozzjoni fil-parlament biex issir inkjesta pubblika biex toħroġ il-verità kollha b’rabta mal-każ.

Grech temm jirringrazzja lil dawk kollha li nġabru għall-protesta u wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jista’ joffri pajjiż aħjar fejn il-poplu jaqla’ iktar flus b’mod seren għax kulħadd jixraqlu aħjar.

Ekonomija

Sport