Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ftit li xejn kellu xi jżid ma’ dak li qal qablu l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u f’repetizzjoni ta’ ħafna mill-affarijiet li kienu diġà ntqalu, kompla wkoll għal darba oħra b’attakk fuq il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
“Din hija t-twissija li se nagħti llum. Kummissarju għandek tlett ijiem. Jekk fi tlett ijiem m’intix se tieħu azzjoni ċara aħna se nerġgħu mmorru l-Qorti”, kompla biex jgħid Grech filwaqt li allega li l-Kummissarju mhux juri rieda li jagħmel xogħlu.
Grech saħaq li hu għadu jemmen fil-poplu Malti u Għawdxi u qal li fiduċjuż li qegħdin jaraw fil-Partit Nazzjonalista gvern alternattiv. Grech saħansitra uża l-frażi tal-politiku mibki u eks mexxej Laburista Dom Mintoff għax skontu huwa biss bil-Partit Nazzjonalista fil-gvern li jista’ jkollna pajjiż normali fejn Malta tkun l-ewwel u qabel kollox.