Friday, November 22, 2024

Grech jallega li l-PM ħabbar żidiet fl-istipendji u children allowance għall-gwadann personali tiegħu  

Aqra wkoll

F’intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Prim Ministru huwa dgħajjef u għadu mhux isib il-kuraġġ u s-saħħa biex jieħu ċertu deċiżjonijiet.

F’attakk kontinwu fuq il-Prim Ministru, Bernard Grech saħansitra allega li l-Prim Ministru qiegħed jibqa’ jiddefendi persuni qrib tiegħu minkejja li  dawn setgħu naqsu. Skont Grech il-Prim Ministru huwa dgħajjef għax jista’ jkun qiegħed jibża’ li dawn jikxfu xi ħaġa dwaru.

Grech qal li hija problema li l-Prim Ministru mhux kapaċi jagħmel distinzjoni bejn il-Partit Laburista u l-gvern. Huwa qal li n-nies mhux biss huma rrabjati issa, iżda saħansitra qegħdin jirredikolaw lil Robert Abela u lil sħabu.

Grech qal li flus il-poplu mhumiex tal-Partit Laburista u saħansitra allega li ż-żiediet fiċ-children allowance u fl-istipendji mħabbra fl-attività ta’ Jum il-Ħelsien mhumiex motivati minn prinċipju imma skont iċ-ċirkostanzi. Huwa qal li għall-kuntrarju ta’ li qiegħed jagħmel il-gvern, il-Partit Nazzjonalista kien rabat dawn iż-żidiet ma’ prinċipji bħalma huma rata baxxa ta’ twelid u għalhekk iktar għajnuna tista’ tkompli tgħin lill-familji Maltin u Għawdxin biex irabbu lil uliedhom. Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħansitra allega li Abela qiegħed juża flus il-poplu għall-gwadann personali tiegħu biex isalva lilu nnifsu filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol qed jgħid li wasal iż-żmien li pajjiżna jissikka ċ-ċintorin.

Grech sostna li huwa l-Prim Ministru biss li għandu s-saħħa li jiftaħ kawża lil Steward biex iġib lura flus il-poplu. Huwa kompla biex ipoġġi fid-dubju dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq għal diversi ġimgħat meta qal li €400 miljun huwa l-ammont dovut minn Steward u qal li minkejja li bħala Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni li l-ammont huwa daqstant, jista’ jkun kemm ikun dan l-ammont. Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-gvern qiegħed jixxaħħaħ mal-ħaddiema bi ftehim li minnu gawdew il-ftit. 

“Imbagħad taf meta jdur fuqek, jew meta jkollu daqqa fil-popolarità jew qabel l-elezzjoni biex ittih il-vot”, kompla Grech.

Rigward l-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ JeanPaul Sofia, Grech kompla jisħaq li lanqas f’dan il-każ, il-Prim Ministru għadu ma sabx is-saħħa biex jieħu azzjoni. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jistaqsi għan-nom ta’ Isabelle u misser JeanPaul Sofia li jixtiequ jkunu jafu għalfejn ġara li ġara biex l-ebda ġenitur ma jerġa’ jgħaddi minn dak li għaddew huma. Żied jgħid li l-inkjesta Maġisterjali ma tistax twieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġenituri ta’ JeanPaul u li hija biss l-inkjesta Pubblika li tista’ toħroġ id-dettalji li minnhom jistgħu jiġu evitati ċertu inċidenti.

Grech qal li dan il-gvern ma ħoloq xejn u għadu jaqta’ l-frott ta’ dak li beda l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Huwa temm jgħid li Partit Nazzjonalista fil-gvern jista’ jkun l-gvern alternattiv li joħloq setturi ekonomiċi ġodda biex il-ġid li jinħoloq jasal fil-bwiet tan-nies.

Sport