Monday, December 23, 2024

Grech jappella lil dawk li jistgħu biex jagħtu aktar minn donazzjoni waħda lill-PN 

Isostni li f’Malta ħadd ma għandu dubju li huwa biss il-PN li qiegħed fuq in-naħa tal-poplu

Aqra wkoll

“Illum f’Malta ma hawn ħadd li għandu dubju li huwa biss il-Partit Nazzjonalista li qiegħed fuq in-naħa tal-poplu”. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervent telefoniku fuq Net FM. B’ton li ftit li xejn inbidel f’dawn l-aħħar jiem, Grech kompla jagħmel il-kawża li fetaħ l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tiegħu wara li qal li l-partit immexxi minnu “qiegħed jakkwista rebħiet kbar għall-poplu għal Malta”. Huwa kompla jargumenta li kien proprju l-Partit Nazzjonalista li ġab l-Isptarijiet għand il-poplu. 

Grech tkellem dwar diversi okkażjonijiet  matul is-sena fejn il-partit jiġbor fondi u li l-ġabra tax-xahar ta’ Marzu nzertat illum. Huwa stieden li dawk kollha li ma setgħux jinġabru miegħu fil-pjazza biex jagħtu l-kontribut tagħhom. Huwa appella lil dawk li jifilħu biex jekk jistgħu jagħtu iktar minn donazzjoni waħda biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli jissaħħaħ u jkunu parti minn din iċ-ċaqliqa li għaddejja fil-pajjiż biex ikunu alternattiva għal gvern li jixraqilhom.

Matul id-diskors tiegħu, Grech kompla b’attakk dirett fuq il-Prim Ministru Robert Abela u qal li dan qiegħed idawwar il-verżjoni tiegħu fejn qabel is-sentenza tal-Qorti Ċivili huwa kien qiegħed jiddefendi lil Steward, mas-sentenza qal li se janalizza minħabba reazzjonijiet ta’ rabja mill-poplu, sakemm fl-aħħar jiem skontu reġa’ beda jiddefendi lil Steward għax huwa maħtuf. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela jinsab  “inkwetat u mwerwer tant li issa sar l-Avukat Uffiċjali ta’ Steward”. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla biex jitkellem dwar ix-xogħlijiet li saru minn Steward u waqt li kien qiegħed jitkellem dwar l-Isptar Mater Dei huwa qal fi sptar skontu state of the art mibni minn gvern Nazzjonalista issa għandna anke wards taħt l-art. 

Rigward is-sentenza tal-PBS, Grech qal li ġimgħat ilu, il-Qorti tat deċiżjoni storika u la darba din sabet li nkisru d-drittijiet tal-Partit Nazzjonalista, il-poplu nkisirlu d-drittijiet tiegħu li jirċievi l-messaġġ. Huwa kompla biex jgħid li minn dakinhar ’l hawn il-PBS baqgħet tagħmel l-istess billi ddawwar l-aħbar, toħnoq il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista u tpoġġi lill-Prim Ministru fuq livell għalih.

“Aħna dejjem kellna, għadna u jibqa’ jkollna fiduċja fil-Qrati Maltin. Aħna Partit determinat u taħt it-tmexxija tiegħi se nibqgħu niġġieldu għal dan id-dritt”, tenna Grech.

Rigward il-mewt ta’ JeanPaul Sofia, Grech qal li Robert Abela huwa arroganti, insensittiv u jidher li għandu x’jaħbi. Huwa qal li hu ma jridx jaħtar inkjesta pubblika għax diġà kellu rapport ieħor xi jrid jagħmel qabel seħħ dan il-każ, iżda għax naqas, u għax jaf bil-ħniżrijiet li hemm fis-settur tal-kostruzzjoni, ma jridx jiftaħ inkjesta pubblika. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jinsisti li Robert Abela huwa dgħajjef u beżgħan tant li minflok qiegħed jagħżel lil dawk li qegħdin ibatu biex imorru għall-ġustizzja, qed jibqa’ fuq in-naħa tal-kriminali, tal-frodisti u l-qattiela. Minkejja dawn l-insinwazzjonijiet kontinwi ta’ Grech, fl-aħħar jiem il-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar il-pjan strateġiku ta’ kif fi ftit ġimgħat il-kuntratturi kollha jridu japplikaw għal-liċenzja biex ikunu jistgħu joperaw. Mhux biss, f’wieħed mid-diskorsi tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din ir-riforma se tkun time out għal dawk li jaħsbu li jistgħu jaqbdu jixtru l-għodda u jibdew iwaqqgħu, jiskavaw jew jibnu.

Intant minkejja attakki u sensiela ta’ aġġettivi negattivi fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma kkummenta xejn rigward l-imġiba tiegħu u tal-bqija tal-Oppożizzjoni matul is-seduta tal-Ħamis li għadda u anke wara, liema imġiba xejn ma kienet tagħti ġih lil dawk li jirrappreżentaw lill-poplu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Ekonomija

Sport