Saturday, December 21, 2024

Grech jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħtik dak li tixtieq

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Aħna qegħdin naħdmu biex gvern ġdid Nazzjonalista jagħtik dak li tixtieq int. Li inti tgħix f’pajjiż fejn timxi għax kapaċi. Jekk inti ma ħaqqekx issuq il-karozza jew il-mutur, m’iniex se ssuq taħt gvern immexxi minni”, kompla Grech.

F’intervista li saritlu fuq NET TV Grech allega mill-ġdid li dan il-gvern għandu numru ta’ skemi li permezz tagħhom il-gvern qiegħed ikompli jixtri l-voti. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għal dan il-gvern mhux biss jgħaddi kollox iżda saħansitra lest li jagħmel minn kollox biex jibqa’ fejn hu.  Grech qal li dan huwa gvern bla kuxjenza u kkundanna lil kull min seta’ kien involut biex saret pressjoni biex xi ħadd li ma jafx isuq iġib il-liċenzja. Huwa kompla biex għal darba oħra jattakka lill-Prim Ministru u qal li Dr Abela tilef il-kontroll ta’ kollox u kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija li skontu ilu ġimgħat konxju b’informazzjoni dwar dawn il-każi tal-għoti tal-liċenzji iżda baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħansitra kompla biex jallega li l-Prim Ministru hedded lill-ġurnalisti biex ma jikxfux dwar każi bħal dan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-pajjiż għandu jkun wieħed li joffri opportunitajiet ugwali fejn timxi ’l quddiem skont kemm taf u mhux skont lil min taf. Huwa rrefera saħansitra għall-inċident fatali ta’ 18-il sena ilu meta ħames żgħażagħ tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ. Huwa qal li inċidenti bħal dak għandhom iservu ta’ xofa għax ma jistax ikun li lanqas fejn tidħol il-ħajja ta’ kulħadd ma jkollna limiti. Grech qal li għal dan il-għan il-partit immexxi minnu qiegħed jaħdem biex ikun jista’ joffri gvern alternattiv u serju. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera għal-laqgħa tal-MCESD fejn il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-proposti tiegħu u qal li l-imsieħba soċjali kellhom reazzjoni pożittiva ħafna għall-viżjoni tagħhom.

“Aħna qegħdin nistennew li l-Ministru Caruana f’dan il-budget jagħti sinjal ċar ta’ kif se jkun qiegħed ibiddel il-mudell ekonomiku tal-pajjiż”, kompla Grech.

Dwar id-distribuzzjoni tad-dawl, Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan għaqli u studjat u l-pajjiż għandu bżonn investiment immedjat u saħaq li l-gvern qiegħed isibha diffiċli għax skontu kien hawn ħela ta’ flus f’affarijiet bħalma huma konferenzi ta’ inawgurazzjonijiet ta’ proġetti li jiġu inawgurati diversi drabi.

Dwar l-Air Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan il-gvern falla l-linja nazzjonali tal-ajru u issa qiegħed jippromwovi n-“new” Air Malta. Sostna li għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jesiġi li jkun hemm trasparenza sħiħa biex din il-linja tkun qiegħda twettaq is-servizz meħtieġ lejn pajjiżna.

Mistoqsi rigward il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjoanlista, huwa rringrazzja lil dawk kollha involuti u ħeġġeġ lil dawk kollha li jifilħu biex imorru fid-Dar Ċentrali u jiltaqgħu magħhom. 

“L-appell tiegħi huwa lilkom. Għandna bżonnkom. Il-problema hija tagħna li dan il-pajjiż inbiddluh. Id-donazzjoni tagħkom tagħtina s-saħħa. Kulma nagħmlu jiswa l-flus imma aħna għandna lilkom. Narakom”, temm jappella Grech.

Ekonomija

Sport