Sunday, June 22, 2025

Grech jgħid li l-Kap il-ġdid għandu jservi lill-partit u mhux jisserva bih

Jibda l-proċess għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN

Aqra wkoll

Hekk kif dalgħodu tlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, ingħata bidu wkoll għall-proċess tal-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-PN u miegħu ż-żmien allokat biex min hu interessat għall-kariga ta’ Kap tal-Partit jitfa’ ismu permezz ta’ espressjoni tal-interess sa nhar il-Ħadd li ġej.

Indirizza wkoll il-Kunsill Ġenerali l-Kap tal-PN Bernard Grech li appella lill-Kunsilliera u t-tesserati tal-PN biex jeleġġu Kap li jservi lill-Partit Nazzjonalista u mhux jisserva bih. Qal li jkun żball jekk naħsbu li kulma hemm bżonn hu Kap ġdid, iżda li hemm bżonn hu Kap li jkompli jġedded lill-partit u jieħu d-deċiżjonijiet. 

Dr Grech qal ukoll li għandhom l-obbligu li jagħmlu proċess li ma jkunx biss dwar ismijiet u individwi imma xprunat minn diskussjonijiet miftuħa fuq l-ideat u r-realtajiet tal-lum u t’għada. Qal li “f’dan il-mument mhux musical chairs għandna bżonn imma orkestra, konduttur li jisma’ lil kulħadd imma fl-aħħar imexxi hu.” 

Huwa saħaq ukoll li l-Kunsilliera u t-tesserati tal-PN iridu jeleġġu kap li jara li l-politika u l-istrateġija jsiru mill-partit biss. “Tridu teleġġu Kap li dejjem ipoġġi lill-partit u lill-pajjiż qabel kull ambizzjoni personali,” qal Dr Grech. “Kap li meta l-partit isejjaħlu, meta l-pajjiż isejjaħlu, minflok iħares lejn il-kalendarju personali jħares lejn il-kmiem u jxammarhom ħalli jilqa’ dak l-irwol u jibda jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna.”

F’diskors li fih kien emozzjonat, Bernard Grech qal ukoll li “bħalissa rridu nsewwu biex fil-futur nirbħu.” Sostna li f’dawn is-snin li għamel bħala kap tgħallem ħafna affarijiet u għadda minn diversi esperjenzi wħud sbieħ u oħrajn inqas sbieħ.

Meta ġie biex jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu bħala Kap, Bernard Grech qal li “ħafna huma dawk li jgħidulek ‘jien warajk’ jew itellgħu post biex juru li jkunu qegħdin jagħmlu ħafna għall-partit. Ħafna huma dawk li jgħidulek kuraġġ… imma ftit huma dawk li jitilqu kollox u jiġu biex jgħinuk tmexxi partit politiku.”

Dr Grech qal li l-unika nies li qatt ma kellu għalfejn ifittex kienu martu u wliedu għax kienu dejjem hemm miegħu f’kull ħin matul din il-kariga. Huwa elenka l-kisbiet li skont hu kiseb u wettaq il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija tiegħu. Tkellem ukoll dwar il-kariga ta’ kap u x’veramenti toffri. 

Grech sostna li kull kap ta’ partit dejjem għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika u “jien hekk qiegħed nagħmel.” Kompla jgħid li “mxejna ‘l quddiem flimkien… kien hemm żmien li rnexxielna nimxu ‘l quddiem u kien hemm żmien li ma rnexxilniex nimxu ’l quddiem… Jien il-kap u għalhekk qiegħed nerfa’ r-responsabbilità.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport