Waqt il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’diskussjoni maż-żgħażagħ tal-partit tkellem dwar diversi suġġetti fosthom il-bżonn li aktar żgħażagħ jidħlu fil-politika biex ibiddluha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-ġlieda tal-partit tiegħu hija li jelimina l-mentalità li ladarba l-labour għandu politiċi li huma korrotti, il-politiċi fiż-żewġ partiti ma fihomx x’tagħżel. Tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-ebda partit ma jaċċetta donazzjonijiet dubjużi. Grech saħaq li din hija r-raġuni għalfejn il-Partit Nazzjonalista jiġbor inqas flus milli jiġbor il-Labour. Żied jgħid li l-Labour mod ieħor u saħansitra qal li “Il-Labour qiegħed fis-sodda ma nies dubjużi. Kull ġurnata, kull traġedja li toħroġ insibu affarijiet li mhux sippost saru”.
Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar l-emenda mressqa biex tħares il-ħajja u s-saħħa tal-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala Grech qal li hu jemmen li kulħadd ikun irid jagħmel sforz biex isalva lit-tarbija. Sostna li Robert Abela qed jaħseb li li jgħid hu biss huwa tajjeb, iżda għax sab Partit Nazzjonalista magħqud, u għax ħafna tkellmu, issa donnu lest li jagħmel xi tibdil. Sostna li d-Deputati Laburisti għandhom id-dmir li jaraw li l-poplu li eleġġihom ma jkunux qed idaħħlulu l-abort. Saħaq li bħala Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi anke jekk hemm min iridu jagħlaq ħalqu għax kulħadd għandu dritt li jitkellem.
Rigward il-futur taż-żgħażagħ f’pajjiżna, Grech qal li ż-żgħażagħ kollha għandhom dritt li jkollhom futur f’pajjiżna jew barra minnu. Żied jgħid li ż-żgħażagħ stess iridu jagħmlu l-bidla li hemm bżonn biex fost l-oħrajn jiżdied l-interess tagħhom fil-politika biex ikunu jistgħu jwelldu aktar opportunitajiet għal kulħadd.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja u qal li fejn qabel kienet diffiċli biex tagħmel ċertu passi f’ħajtek, issa donnu saret impossibbli biex fost l-oħrajn iż-żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom. Grech qal li l-għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ 10 snin mhijiex biżżejjed biex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom. Tkellem dwar kif l-għoli tal-ħajja qed jolqot lil kulħadd u għalhekk importanti li l-gvern jindirizza dawn il-problemi. Sostna li l-għajnuna u ż-żidiet tal-COLA mhumiex biżżejjed u allura l-gvern irid jagħmel ħafna iżjed biex jindirizza dawn il-problemi.