Monday, April 28, 2025

Grech jgħid li l-PN se jibqa’ viċin il-ħaddiem

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iddikjara li l-Partit Nazzjonalista kien, għadu u se jibqa’ viċin il-ħaddiem. Huwa qal dan meta lbieraħ kien qed jiġi intervistat minn Peppi Azzopardi fil-Pjazza tal-Mosta. 

Dr Grech qal li meta l-PN ħareġ b’dak li sejħilhom “soluzzjonijiet” għall-għoli tal-ħajja, bil-miżuri tal-work life balance, għat-traffiku u oħrajn dawn ħariġhom għall-ħaddiema.

Meta mistoqsi dwar il-funeral tal-Papa Franġisku, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din kienet esperjenza unika. Qal li Papa Franġisku kien bniedem li jġib in-nies flimkien u jitkellem ċar filwaqt li kien bniedem li mhux biss tkellem fuq il-Vanġelu imma għexu. 

“Kienet tislima denja għal bniedem kbir. Nemmen li l-ġid li huwa xettel se jkompli jagħti l-frott fis-snin li ġejjin,” qal Dr Grech. 

Huwa sellem ukoll il-memorja tal-Aġent President Francis Zammit Dimech li ddeskrivieh bħala bniedem speċjali, li jħobb u li kien ibiddel kull sfida f’opportunità.

Mistoqsi dwar il-problema tad-droga, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li “din hija realtà”. Qal li jeżisti l-bżonn li fl-iskejjel ikun hemm aktar tagħlim iffukat biex jagħti lit-tfal u ż-żgħażagħ għodod li jgħinuhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli li jistgħu jiltaqgħu magħhom mingħajr ma jirrikorru lejn id-droga.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport