Waqt l-attività Politika fid-Dar Ċentrali bit-tema “Nagħtu s-Saħħa lill-Ħaddiem”, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla fuq dak li beda f’dawn l-aħħar ġimgħat. Grech kompla bl-allegazzjonijiet u attakk kontinwu fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela u saħansitra rrefera għalih bħala “dgħajjef” u “beżżiegħ”.
Irrefera għall-ittra mibgħuta lill-Prim Imħallef rigward id-dewmien żejjed fl-inkjesta b’rabta mal-mewt ta’ JeanPaul Sofia u qal li din kienet kollha gimmick biex jagħti x’jifhem li hu b’saħħtu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bi pressjoni wkoll fuq l-istituzzjonijiet u allega li l-għajta tal-gvern biex dawn jitħallew jaħdmu hija kollha bbażata fuq il-fatt li dawn qegħdin jaraw li l-Prim Ministru jibqa’ kemm jista’ jkun protett. Huwa kompla biex jgħid li bħala Kap tal-Oppożizzjoni stenna li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jirreżenjaw biex jerfgħu r-responsabbiltà wara dak li kien hemm fi ktieb ippubblikat minn Robert Aquilina b’rabta ma-bank Pilatus.
Grech irrefera wkoll għall-erba’ żgħażagħ li ġibdu l-attenzjoni rigward nuqqasijiet kbar u li dawk li kienu qegħdin jagħmlu użu mill-app tal-kumpanija kienu f’riskju li l-informazzjoni tagħhom toħroġ fil-beraħ. “Għax infurmawhom l-Pulizija ħarġu bl-armi kollha, marru jarrestawhom, neżżgħuhom u ħallewhom sigħat arrestat. Erba’ żgħażagħ li jirrappreżentaw il-futur tal-innnovazzjoni f’pajjiżna”, kompla Grech.
Huwa tkellem dwar nuqqas ta’ ppjanar infrastrutturali u rrefera b’mod partikolari għal filmat ta’ triq partikolari fil-Fgura kollha sinjali ta’ One Way. Intant Transport Malta, b’rabta mal-każ ikkonfermat li l-kuntrattur se jkun qiegħed jeħel multa skond kif stipulat fil-kuntratt ta’ bejn l-Awtorità u t-tali kuntrattur.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar l-20 sena minn meta l-eks Prim Ministru Nazzjonalista Eddie Fenech Adami ffirma t-trattat f’Ateni biex sena wara Malta setgħet tissieħeb bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Huwa qal li sal-lum stess għadu qiegħed ikun avviċinat minn persuni li bis-saħħa ta’ dik il-firma setgħu jagħmlu snin jistudjaw f’pajjiż fl-Unjoni Ewropea fost ħafna vantaġġi oħra tas-sħubija.
Tkellem ukoll dwar l-linja tal-ajru nazzjonali u qal li fl-istess waqt li qegħdin niċċelebraw l-50 sena mill-bidu tal-operat tal-Air Malta, għandek siti tal-aħbarijiet li qegħdin jirrappurtaw rigward il-ħsieb tal-gvern li jwaqqaf l-operat tagħha. Huwa saħaq li l-gvern qiegħed jidħak bil-ħaddiem meta qiegħed iħeġġeġ lill-ħaddiema biex jingħaqdu f’opportunitajiet mal-linja nazzjonali tal-ajru meta fl-istess waqt din tista’ twaqqaf l-operat fi ftit xhur.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jappella lill-poplu Malti biex jemmen fil-pjanijiet tiegħu u qal li għall-kuntrarju tal-gvern, il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar biex joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda skont kif ippreżenta fil-viżjoni tiegħu fl-aħħar kampanja elettorali.