Sunday, November 24, 2024

Grech jisħaq dwar qasma fil-PL … isostni li l-emenda hija l-introduzzjoni tal-abort

Aqra wkoll

Waqt intervista mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq il-midja tal-partit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tenna li hu qiegħed jopponi b’saħħa għal din l-emenda għax hija l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna. 

Grech qal li dan mhuwiex jgħidu hu biss, iżda wkoll 81 akkademiku inklużi Professuri u esperti mediċi u tekniċi. Huwa kompla biex jgħid li f’laqgħa parlamentari l-grupp Nazzjonalista ddiskuta u qablu unanimament f’dikjarazzjoni li qed jaraw din il-liġi bħala l-introduzzjoni tal-abort f’liġi li skontu trid tiddaħħal malajr.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hija evidenti li Robert Abela moħħu biss biex ikabbar il-maġġoranza u m’għandux prinċipji. Grech qal li din il-liġi turi biċ-ċar li hemm qasma fil-Partit Laburista u li qiegħda tgħaddi tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Kompla biex iqabbel iż-żewġ partiti l-kbar fejn skontu filwaqt li l-Partit Laburista jaqbad u jiddeċiedi, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu l-ewwel jiddiskuti d-dettalji imbagħad jitkellem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li anke l-Arċisqof tkellem dwar din il-liġi bħala l-ewwel pass biex jiddaħħal l-abort u ħeġġeġ lil kulħadd biex jitkellem għax wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet ikunu tard wisq.

Rigward il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards, Grech qal li lil Robert Abela ma tistax tafdah fejn tidħol l-irġulija u li hu qed jigdeb meta qal li hu qabel li l-Kummissarju għall-Istandards għandu jkun il-persuna li jindika hu. Huwa sostna li għandu jkun hemm persuna li jkollu l-appoġġ taż-żewġ naħat u din il-persuna se tkun qiegħda tiddeċiedi fuq in-nuqqasijiet ta’ kulħadd, inkluż l-istess Robert Abela. Żied jgħid li Robert Abela jrid ibiddel il-liġi biex jibqa’ jagħmel ta’ rasu. Sostna li jekk irid jilħaq kompromess, kellu jipproċedi fuq il-ftehim tal-Ombudsman, iżda minflok irid li dawn iż-żewġ karigi jimtlew f’daqqa.

Rigward il-każ ta’ fastidju sesswali fl-Orkestra Nazzjonali u dak ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta li allegatament sawtu sewwieq, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu ma jitkellimx dwar il-problemi biex ikun qal xi ħaġa. Sostna li l-partit jitlob u jinsisti għal riżenji ta’ Ministru biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu.

Filwaqt li tkellem dwar il-femiċidju ta’ Bernice Cassar u l-mewt ta’ Leonard Camilleri, Grech sostna li  l-politiċi għandhom l-obbligi kontinwament li l-affarijiet isiru kemm jista’ jkun sew biex dawn l-affarijiet ma jsirux. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kemm raġel kif ukoll mara li jkunu vittma fil-bżonn tal-għajnuna għandha bżonn issib sapport serju. Żied jitkellem dwar il-bżonn ta’ taħriġ serju fil-Pulizija għax l-atteġjament tagħhom jista’ jkun kruċjali biex persuna tersaq jew titbiegħed mis-servizz biex tirrapporta. Fejn jidħlu l-qrati, huwa qal li hemm bżonn li l-gvern jinvesti bis-serjetà fl-istituzzjoni biex din tibda tiffunzjona u tgħin lil dawn il-vittmi biex jingħataw protezzjoni u ssir ġustizzja magħhom f’sistema mill-aktar effiċjenza.

Sport