Thursday, December 26, 2024

Green roof bi 3,000 pjanta se jwassal biex tinġabar informazzjoni xjentifika għal proġetti futuri

Aqra wkoll

Green roof fiċ-Ċentru Għajn għall-Konservazzjoni tal-Ilma fir-Rabat, li huwa magħmul minn 3000 pjanta, se jintuża għal skopijiet xjentifiċi sabiex jiġbor informazzjoni li tista’ tintuża fi proġetti futuri. Dan il-proġett se jesplora l-potenzjal ta’ din l-infrastruttura ħadra għall-prevenzjoni tal-għargħar, filwaqt li jagħmel il-bini aktar sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ltaqgħet mat-tim tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) li żviluppa dan il-green roof, bħala parti mill-Proġett GiFluid. Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Katanja, u huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm Interreg Italia-Malta. Waqt iż-żjara, il-Ministru Dalli ħabbret li matul dawn is-sentejn se tkun qed tinġabar informazzjoni xjentifika, u wara li jitlesta dan il-proċess l-Aġenzija qed tippjana li tiftaħ dan il-green roof għall-viżitaturi.

Dan il-green roof jinkludi fih varjetà ta’ veġetazzjoni addattata għall-klima ta’ pajjiżna, kif ukoll pannelli fotovoltajiċi (PV) biex jiġġeneraw enerġija nadifa. Aktar minn tlett elef pjanta ġew introdotti fuq il-bejt, u ġew magħżula speċifikament għall-kapaċità tagħhom li jifilħu l-kundizzjonijiet niexfa ta’ Malta.

Għas-sentejn li ġejjin, dan il-proġett se jservi bħala prototip għall-EWA biex tiġbor informazzjoni dwar l-ilma tax-xita u kemm minn dan jmur fil-veġetazzjoni u kemm jdum fihom. L-Aġenzija se tanalizza wkoll il-kwalità tat-tnixxija mill-ilma tax-xita mill-green roof billi se tiffoka fuq il-livelli tan-nutrijenti, partikolarment in-nitrati. Din l-evalwazzjoni se tgħin biex jiġi analizzat l-effett li jista’ jkollhom il-green roofs.

Ekonomija

Sport