Greta Thunberg ġiet arrestata waqt protesta li saret matul il-jum tat-Tlieta qrib lukanda lussuża f’Londra li fiha kienet qed tittella’ konferenza dwar l-użu tal-fossil fuels.
Fi stqarrija pubblika, il-Pulizija ta’ Londra qalet li b’rabta mal-arrest ta’ Thunberg saru diversi arresti oħra. Iż-żagħżugħa ta’ 20 sena kienet qed tattendi għad-dimostrazzjoni organizzata mill-grupp ta’ attivisti tal-klima ‘Fossil Free London’ li qed tospita summit annwali li jlaqqa’ kapijiet eżekuttivi minn kumpaniji taż-żejt u tal-gass.
Thunberg, flimkien ma’ dimostranti oħra, imblukkaw l-entraturi tal-lukanda u ppruvaw ifixklu lid-delegati milli jidħlu.
Thunberg, fi stqarrija maħruġa minn ‘Fossil Free London’, qabel l-arrest tagħha qalet li “M’għandna l-ebda għażla ħlief li ‘nfixklu’ l-istess bħalma qed jagħmlu dawn l-industrijali f’dak li ħarsien tal-ambjent, bid-dinja dejjem tiddeterjora”.