Grupp imdaqqas ta’ nies ċivili ġew evakwati mill-belt assedjata ta’ Mariupol, u dawn irnexxielhom jagħmluha lejn il-belt relattivament sigura ta’ Zaporizhzhia fi vjaġġ ta’ 200 kilometru.
Fost dawn il-persuni, hemm 69 li kienu ilhom xhur sħaħ jgħixu ġewwa bunkers fl-impjant kbir tal-azzar ta’ Azovstal. Din kienet l-ewwel darba li ntlaħaq ftehim biex jinfetaħ kuritur umanitarju ħalli n-nies ċivili jkunu jistgħu joħorġu mill-impjant imsemmi.
Mara li tkellmet ma’ BBC hekk kif waslet ġewwa Zaporizhzhia qalet li, “aħna konna qed nitilfu kull tama li xi darba se noħorġu.” Qabel seħħet b’suċċess din l-evakwazzjoni, kien hemm numru ta’ attentati biex in-nies ċivili jinħelsu iżda dawn kienu fallew kollha.
Minkejja dan, xorta waħda għad hemm mijiet ta’ persuni ċivili li għadhom maqbuda ġewwa l-impjant, u s’issa għadu mhux magħruf jekk hux se jkun hemm iktar attentati biex dawn jinħelsu. Hekk kif dan il-grupp ta’ persuni ġew evakwati, il-forzi Ukreni ġewwa Azovstal qalu li r-Russi immedjatament komplew iwettqu l-bumbardamenti.
B’kollox kien hemm iktar minn 100 persuna li ġew meħlusa minn Mariupol – sforz umanitarju li sfortunatament huwa wieħed rari f’din il-gwerra mdemmija. Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-evakwazzjonijiet seħħew grazzi għal negozjati u medjazzjonijiet li ħadu ammont kbir ta’ żmien. Huwa tenna li se jibqa’ jsir dak kollu possibbli biex iċ-ċittadini jinħarġu minn Mariupol u Ażovstal.
Huwa kkalkulat li għad hemm eluf ta’ persuni maqbuda f’din il-belt assedjata, b’mijiet jinsabu jgħixu fil-labrint ta’ mini li hemm tant l-impjant enormi tal-azzar ta’ Azovstal. L-Għaqda tas-Salib l-Aħmar qalet li hija tinsab sodisfatta bl-evakwazzjoni li kienet hemm, iżda fl-istess waqt tinsab frustata li għadd ta’ persuni għadhom maqbuda “fl-infern”.