Friday, November 15, 2024

Grupp ta’ 8 Għawdxin jitilqu għal xogħol missjunarju fi Guatemala

Aqra wkoll

Kien għall-ħabta tas-2pm tal-lum meta grupp ta’ 8 Għawdxin telqu biex bdew il-vjaġġ tagħhom lejn il-Guatemala. Huma se jkunu qegħdin jgħixu fost l-ifqar nies li hemm fil-pajjiż fejn minbarra xogħol ieħor se jkunu qegħdin joffru diversi lezzjonijiet edukattivi lil dawn il-persuni.

Il-grupp ta’ missjunarji se jkunu qegħdin f’din l-esperjenza għal erba’ ġimgħat sħaħ fejn se jkunu jgħinu f’Puerto Barriso, Izabal fil-Guatemala. Mal-wasla tagħhom se jkunu jintlaqgħu mill-missjunarju Dun Anton Grech li aktar tard fi żjara tagħhom anke se jkunu qegħdin jagħmlu xogħol fiċ-ċentru sportiv li hu mexxi mill-istess missjunarju.

L-għan ta’ din iż-żjara hu li jmorru f’postijiet remoti fejn in-nies jgħixu f’faqar kbir u bl-għajnuna tagħhom se jagħtuhom taħriġ f’diversi affarijiet fosthom pittura u attivitajiet oħrajn li huma bżonnjużi għal ħajja ta’ kuljum.

Il-ħidma ta’ dan il-grupp bdiet minn ferm qabel il-ġurnata tal-lum hekk kif għamlu diversi attivitajiet fejn ġabru s-somma ta’ 16,398 ewro. Appari dan ġabru biżżejjed flus biex jixtru 26 forn biex dawn jingħataw lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

L-Għawdxin qegħdin iħeġġu lil dawk kollha biex min irid jagħti donazzjoni jew inkella jixtri forn u jagħtih lil foqra jista’ jagħmel dan billi jikkuntatja Ċentru Ragħaj it-Tajjeb taċ-Ċawla Għawdex anke permezz tal-Facebook.

Ekonomija

Sport