“Dalgħodu b’titjira diretta lejn Pariġi, grupp ta’ immigranti ġew irrilokati minn Malta lejn Franza wara ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi maħsub sabiex inaqqas mill-piż tal-immigrazzjoni.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kumment fuq il-midja soċjali.
Huwa żied jgħid li l-awtoritajiet Maltin se jibqgħu jaħdmu biex mijiet ta’ immigranti oħra jkunu trasferiti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Intant illum il-Kummissjoni Ewropea nidiet ftehim li se jwassal għal pjan biex tinqasam ir-responsabbiltà dwar l-immigranti.
Fost oħrajn id-dokument se jkun qed iwassal biex dawk l-istati membri li ma jkunux iridu jilqgħu immigranti għandhom jgħinu lil stati oħrajn Ewropej biex l-immigranti jitwasslu lura f’art twelidhom.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni Ylva Johansson qalet li dan se jkun qed jgħin speċjalment lil pajjiżi żgħar bħal Ċipru u Malta li qed jilqgħu diversi immigranti li ma japplikawx għall-ażil.
Johansson żiedet tgħid li żewġ terzi ta’ immigranti li jfittxu l-ażil fl-Unjoni Ewropea jkollhom l-applikazzjoni tagħhom rifjutata, madankollu jibqgħu jinżammu fil-pajjiż għal snin. Għaldaqstant taħt dan il-ftehim dawk l-immigranti li jkollhom rata inqas minn 20% li jkollhom l-applikazzjoni aċċettata jkollhom l-applikazzjoni tagħhom ipproċessata fi żmien 12-il ġimgħa.
Id-dokument jgħid ukoll li jekk pajjiż ikun suġġett għal pressjoni kaġun tal-immigrazzjoni u jisħaq li ma jkunx jista’ jkompli jilqa’ aktar immigranti, allura jista’ jitlob biex jiskatta mekkaniżmu ta’ solidarjetà obbligatorja mill-Kummissjoni.
Stati mbagħad jintalbu jikkontribwixxu skont fatturi ekonomiċi u ta’ popolazzjoni, madankollu jkollhom l-għażla li jew jirċievu persuni li jfittxu ażil, iħallsu biex immigranti li ma jkollhomx id-dritt jibqgħu fi stat membru jitwassal lura pajjiżu, jew jgħinu biex jinbnew ċentri li jilqgħu l-immigranti.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan il-ftehim u ddeskrivih bħala “bażi tajba biex terġa’ tinbeda mill-ġdid id-diskussjoni”. Huwa qal li huwa kruċjali li dawk l-immigranti li ma jkollhomx dritt għall-ażil jittieħdu lura pajjiżhom. Huwa temm jgħid li s-solidarjetà m’għandhiex tkun għażla.