Tuesday, September 24, 2024

Grupp ta’ immigranti se jiddaħħlu u jinżammu f’detenzjoni

Aqra wkoll

Mhux se jkunu permessi żbarki f’pajjiżna ta’ immigranti rregolari

Fi stqarrija maħruġa mill-gvern intqal li fl-aħħar sigħat il-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed isegwu dgħajsa b’immigranti rregolari fuqha, li kienet fiż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ Maltija. Din id-dgħajsa kienet ilha tiġi segwita għal diversi sigħat. Dawn l-immigranti se jkollhom jiddaħħlu pajjiżna fis-sigħat li ġejjin, u ser jinżammu f’detenzjoni.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kabinett tal-Ministri qies is-sitwazzjoni serja li jinsab għaddej minnha l-pajjiż bħalissa, fid-dawl tal-pressjoni li qed toħloq l-imxija tal-virus COVID-19, u kunsiderazzjonijiet oħra.

Fl-isfond tal-isfidi straordinarji, f’mument fejn il-pajjiż iddikjara Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika, il-Gvern Malti kkomunika li ma jinsabx f’pożizzjoni li jiggarantixxi r-riżorsi għas-salvataġġ lil immigranti irregolari tal-massa, li jkunu abbord kwalunkwe opra tal-baħar u bastimenti. Dan qed jiġi kkomunikat fost oħrajn sabiex immigranti li għandhom intenzjoni jivjaġġaw lejn Malta jkunu konxji tar-riskji li qegħdin ipoġġu ħajjithom fihom. Huwa għalhekk fl-interess u fir-responsabbiltà ta’ dawn il-persuni li ma jipperikolawx ħajjithom bi vjaġġi riskjużi u billi jersqu lejn pajjiż li mhux f’qagħda li joffrilhom post sigur.

Matul l-aħħar xhur u snin, Malta kienet taħt pressjoni sproporzjonata ta’ wasliet ta’ immigranti, u rċeviet ftit li xejn għajnuna tanġibbli. Tul is-snin xorta ġew salvati eluf ta’ ħajjiet.

Ġaladarba s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ddikjarat emerġenza għas-saħħa pubblika, il-Gvern iddeċieda li aktar żbarki ta’ immigranti rregolari f’pajjiżna, li jistgħu jkunu wkoll infettati bil-virus, jippreġudikaw serjament il-ħidma kollha li qed issir kontra l-imxija ta’ dan il-virus, filwaqt li l-awtoritajiet Maltin mhumiex f’pożizzjoni li joffru post sigur lil dawn l-immigranti, f’perjodu ta’ sfida kbira speċjalment fil-qasam tas-saħħa, l-infurzar tal-liġi u ċ-ċentri tal-immigranti. Is-sitwazzjoni llum il-ġurnata titlob li r-riżorsi lokali kollha inkluż il-Forzi Armati jibqgħu l-ħin kollu ffukati fil-ġlieda kontra din l-imxija tal-virus.

Biex jitrażżan it-tixrid tal-virus, l-ivvjaġġar lejn pajjiżna saħansitra ġie mwaqqaf bl-għeluq tal-ajruport u l-portijiet. Ix-xtut Maltin mhumiex f’pożizzjoni li joffru post sigur għall-iżbark ta’ immigranti.

Ġew ikkunsidrati wkoll l-Avviżi Legali kollha li ġew ppubblikati b’urġenza riċentament kif ukoll is-sitwazzjoni fattwali ġewwa ċ-ċentri tal-immigranti. Malta mhijiex f’pożizzjoni li toffri post sigur għall-iżbark ta’ immigranti mingħajr ma tikkomprometti u tippreġudika l-funzjonalità, l-infrastruttura loġistika u strutturi ta’ sigurtà, kif ukoll l-isforzi kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa u awtoritajiet oħra involuti biex jegħlbu l-firxa tal-COVID-19 u jikkuraw lil dawk milquta minnha.

Għaldaqstant, mhux se jkunu permessi żbarki f’pajjiżna ta’ immigranti rregolari, kemm minn għaqdiet non-governattivi kif ukoll minn kull opra tal-baħar jew bastiment ieħor. Kif lanqas ser jiġu garantiti xi riżorsi għall-fini ta’ assistenza lil immigranti rregolari fuq kwalunkwe opra tal-baħar jew bastiment.

Il-Gvern Malti jfakkar li għal bosta snin, pajjiżna dejjem refa’ piż aktar milli jiflaħ fil-qasam tal-immigrazzjoni rregolari. Minkejja r-riżorsi limitati u ċ-ċokon ta’ pajjiżna bħala l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, Malta tat kenn lill-eluf ta’ persuni. Iżda, bis-sitwazzjoni kif żviluppat u wara kunsiderazzjoni fil-fond, Malta ma fadlilha ebda għażla għajr li tieħu dawn id-deċiżjonijiet li jirriflettu ċ-ċirkostanzi straordinarji li ninsabu fihom illum.

Sport