Fit-tieni ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż- Żgħar li qed isiru f’Andorra, Team Malta kompla jżid it-total tar-rebħ tal-midalji.
It-total s’issa jaqra dak ta’ 8 tad-deheb, 8 tal-fidda u 9 tal-bronż.
* Il-ġinnasta Sophie St John kienet il-protagonista tal-ġurnata meta lbieraħ rebħet żewġ midalji tad-deheb – waħda fil-vault u l-oħra fil-beam biex għaqqdet hat-trick tad-deheb wara li nhar it-Tlieta rebħet l-ewwel waħda tagħha.
Il-ġinnasta żagħżugħa Maltija kellha żewġ qabżiet brillanti fil-vault biex kisbet punteġġ totali ta’ 12.550 li tefgħuha fil-quċċata tal-klassifika.
St John spiċċat eżatt qabel Rakel Petursdottir tal-Islanda (12.525 punt) u Eleana Panagiotou ta’ Ċipru, li kisbet 12.400 punti.
Ir-rappreżentanta l-oħra Maltija, Julia Galea, spiċċat fis-sitt post bi 11.925 punti.
Fid-dixxiplina tal-beam tellgħet skor ta’ 12.900 quddiem Valentina Marochi (12.550) tal-Lussemburgu u l-Islandiża Margerit Lea Kristinsdottir (11.750).
*Luke Galea rebaħ il-midalja tad-deheb fil-Karate Kumite ta’ Taħt l-84 kg, meta fil-’finali’ għeleb lil Serra Rodrigues tal-Lussemburgu 3-2.
Il-konfronti ntlagħbu fil- format ta’ round robin hekk kif l-ewwel vittma ta’ Galea kien Ryan Broder ta’ Liechtenstein (9-0) biex imbagħad għeleb liċ-Ċiprijott, Demetris Demetriades (1-0).
L-aħħar konfront kien kontra Rodrigues wara li ż-żewġ atleti rebħu ż-żewġ sfidi tagħhom u eventwalment, Galea ħareġ rebbieħ.
*Fl-isparar, Gianluca Chetcuti spiċċa fit-tielet post fit-Trap tal-Irġiel hekk kif kien segwit minn James Galea li temm fir-raba’ post.
Filwaqt li fir-round finali, Chetcuti laqat 32 plattin, Galea laqat 26.
Din id-dixxiplina ntrebħet minn GianMarco Berti ta’ San Marino (41), biċ- Ċiprijott Nikolas Kyriakou (40) jirbaħ il-midalja tal- fidda.
*Fl-għawm, Sasha Gatt rebħet il-midalja tal-fidda meta fl-1500m freestyle hija spiċċat fit-tieni post meta rreġistra ħin ta’ 17:04.08.
Din it-tellieqa ntrebħet minn Lisa Pou ta’ Monaco li kisbet ħin ta’ 16:57.00. Il-midalja tal-bronż intrebħet minn Lou Jomnet ta’ Lussemburgu.
*Fil-finali tal-basketball tan-Nisa 3×3, Malta kellha tbaxxi rasha għal-Lussemburgu meta dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 19-15 biex it-tfajliet tagħna kellhom jikkuntentaw bil- midalja tal-fidda.
It-team Malti kien komposta minn Steffie DeMartino, Kirsty Galea, Danika Galea u Amber Melgoza.
*Fil-Karate ta’ Taħt il-75kg, Malta rebħet il-midalja tal-bronż meta Heorhii Denysov ġie promoss għal din il-pożizzjoni wara li David De Luca ta’ Andorra rtira fil-konfront kontra Alex Michael ta’ Ċipru.
*It-team Malti tal-Irġiel tar-rugby sevens, kien f’forma formidabbli meta minn Grupp B warrbu għal kollox l-isfida ta’ San Marino 50-14.