Friday, October 25, 2024

Gudja United jegħlbu lil Balzan u jitilgħu fit-tieni post

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Balzan…………..0

Gudja U…………1

Gudja United għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal uniku u tant importanti għalihom, jasal minn Johann Bezzina fl-ewwel taqsima eżattament fit-32 minuta.

B’hekk, il-Gudjani, qabżu lil Balzan fit-tieni post tal-klassifika fejn għandhom seba’ punti – żewġ punti biss taħt il-leaders Birikirkara, fejn immarkaw l-aqwa bidu ta’ staġun kemm ilhom jilagħbu fil-Kampjonat Premier, waqt li din kienet l-ewwel telfa għal Balzan, hekk kif fl-ewwel żewġ partiti kisbu punti massimi.

Gudja, taħt il-gwida tal-coach Taljan u ex player ta’ Lazio Andrea Agostineli, qed jidhru ferm organizzati minn kull lat, fejn min-naħa l-oħra wieħed ma jrid ineħħi xejn mill-mertu ta’ Balzan li kellhom il-waqtiet pożittivi tagħhom tul id-90 minuta u ma kienu jisirqu xejn li kieku ħarġu almenu b’punt mill-partita.

Għal Gudja ddebutta d-difensur Karl Micallef li ngħaqad magħhom mingħand Hamrun Spartans fil-jiem li għaddew, waqt li għal Balzan għamel id-debutt tieghu Alex Satariano biex b’hekk irritorna jilgħab fil-Kampjonat Premier wara esperjenza qasira fl-Italja.

Kienu Gudja li ħolqu l-ewwel periklu wara kwarta logħob meta Vito Plut minflok għażel li jikkonkludi lejn il-lasti avversarji, għażel li li jindirizza cross għan-nofswara  li qabeż lill-goalkeeper ta’ Balzan Jonathan Debono, iżda ġie kklerjat kważi minn fuq il-linja fatali mid-difiża ta’ Balzan.

Huma komplew fuq l-offensiva u fit-32 minuta fetħu l-iskor, liema goal kellu jkun dak tar-rebħa meta Samuel Gomes da Mata, għadda tajjeb lejn JOHANN BEZINNA, li kellu x-xutt tiegħu mill-viċin jintemm fix-xibka.

Balzan wieġbu għall-ewwel darba fl-44 minuta meta free-kick insidjuż ta’ Angel Torres ġie salvat f’corner mill-goalkeeper Glenn Zammit, li kellu partita ferm pożittiva.

Fitl-ftuħ tat-tieni taqsima Gudja ħarġu ferm aggressivi u fis-47 minuta, Vito Plut wara li rċieva l-ballun minn through pass, kellu tentattiv minn daqqa ta’ ras jintemm barra.

Fit-82 minuta, Angel Torres indirizza cross fejn Bojan Kaljevic li ħareġ l-aħjar ta’ Glenn Zammit li salva bi bravura.

Tliet minuti biss wara, Juan Ramires Bolanos, wara li rċieva minn cross ta’ Torres, ra x-xutt tiegħu mhux daqshekk b’saħħtu jintemm f’idejn Zammit.

Gudja kienu għoddhom irduppjaw l-iskor fid-90 minuta meta Bienvenu Selemani għadda tajjeb lejn is-sostitut Tatsuro Nagamatsu li ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Jonathan Debono iżda ra lil dan tal-aħħar isalva.

Madankollu, mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-ground, Balzan resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs b’mod drammatiku, meta Angel Torres kellu xutt bid-dawra li ġie salvat tajjeb minn Glenn Zammit biex salva lit-team tiegħu minn goal ċert.

Balzan: 83-Jonathan Debono, 2-Ivan Bozovic, 6-Marcus Grima, 7-Milan Duric (86-Bojan Kaljevic 67), 8-Paul Fenech, 10-Angel Torres, 11-Benjamin Hili (4-Diver Duvan Torres 68), 18-Uros Ljubomirac, 19-Milos Zlatkovic, 27-Moncilo Raso, 33-Matheus de Sousa (21-Alex Satariano 46) Coach: Oliver Spiteri

Gudja U.: 1-Glenn Zammit, 3-Juan Ramires Bolanos, 5-Andre Prates, 9-Vito Plut (8-Tatsuro Nagamatsu 87), 13-James Arthur, 14-Neil Anthony Micallef, 19-Johann Bezzina (17-Karl Micallef 46), 22-Hubert Vella, 23-Neil Tabone (88-Farid Romero Zuniga 73), 39-Samuel Gomes da Mata, 77-Nicolas Navarrete (11-Bienvenu Ahinga Selemani 63) Coach: Andrea Agostinelli

Referee: Trustin Farrugia Cann

Ass. Referees: Luke Portelli, Shaun Calleja

Raba’ Uffiċjal: Darryl Agius

Skorers: J. Bezzina 32 (G)

Ammoniti: J. Ramires Bolanos, N. Tabone, F. R. Zuniga, J. Arthur (G), M. da Sousa, A. Torres, I. Bozovic (B)

Player tal-Logħba: Samuel Gomes da Mata (G)

Sport