Il-Gudjani qed ifittxu li jibnu skwadra kompetittiva għall-istaġun il-ġdid hekk kif għandhom l-għan li saħansitra jiksbu post fl-Ewropa.
Gudja żiedu l-isforzi tagħhom biex iżidu aktar talent Malti fl-iskwadra tagħhom u fil-mira tagħhom kien hemm John Mintoff.
In-negozjati mxew b’ritmu mgħaġġel fl-aħħar ġimgħat u ntlaħaq ftehim biex Mintoff iħalli lil Sliema Wanderers biex jingħaqad ma’ Gudja United.
Il-player ta’ 33 sena jġib miegħu esperjenza vasta fil-Kampjonat Premier hekk kif matul il-karriera tiegħu kien fuq il-kotba ta’ Mqabba FC, Sliema Wanderers, Floriana u Tarxien Rainbows.
Min-naħa l-oħra, Gudja United kienu ħerqana wkoll li jżommu s-servizzi ta’ Llywelyn Cremona.
L-ex midfielder ta’ Valletta ġej minn staġun eċċellenti hekk kif kellu rwol ewlieni biex jgħin lil Gudja United jiksbu post storiku mat-Top Six, qabel clubs ferm aktar ikkwotati bħal Valletta u Mosta.
Din il-ġimgħa, Cremona kellu taħditiet mal-ogħla diriġenti ta’ Gudja United u ntlaħaq ftehim biex il-player ta’ 27 sena jerġa’ jilbes il-kuluri tal-club fl-istaġun li ġej.
L-istaġun li għadda, Cremona għamel 18-il dehra ma’ Gudja United u skorja żewġ goals.