Wednesday, December 25, 2024

GUEST – Għajnuna għal-lukandi żgħar biex joperaw b’mod aktar sostenibbli

Inizjattiva li tgħin ukoll biex il-viżitaturi f’dawn il-lukandi jużaw l-enerġija u l-ilma b’mod responsabbli

Aqra wkoll

Lukandi żgħar li joperaw f’pajjiżna se jkollhom iċ-ċans jibbenefikaw minn għajnuna biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ilma, fl-operat tagħhom.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret din l-inizjattiva ġdida tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) waqt żjara f’lukanda żgħira (guesthouse) fil-Gudja, it-Tlieta filgħodu.

L-iskema GUEST – Guesthouse owners and Users Embarking on a Sustainable Transition – tiffoka fuq lukandi żgħar bħal boutique hotels u guesthouses, sabiex tingħata attenzjoni lil dawn it-tip ta’ akkomodazzjonijiet li l-kompożizzjoni tagħhom hija differenti minn tipi oħra ta’ akkomodazzjoni akbar. B’din l-inizjattiva, l-aġenzija se toffri audits tal-enerġija u l-ilma lil dawn in-negozji żgħar tal-akkomodazzjoni, b’rakkomandazzjonijiet biex isiru aktar ambjentalment sostenibbli. B’hekk, l-EWA qed tagħti assistenza teknika lil dawn il-lukandi żgħar, li ħafna drabi ma jkollhomx ħaddiema speċifiċi b’dawn il-kompetenzi minħabba ċ-ċokon tagħhom.

L-iskema ġiet ibbażata fuq dak li qalu l-operaturi ta’ dawn il-lukandi żgħar f’numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li saru magħhom. Hawnhekk ħareġ ċar li minkejja li hemm ir-rieda li jnaqqsu l-użu tal-enerġija u l-ilma, l-isforzi tan-negozji jiġu mtappna mill-użanzi tal-viżitaturi tagħhom, li mhux dejjem jagħrfu kif għandhom jadottaw metodi sostenibbli waqt iż-żjara tagħhom. Għalhekk, l-aġenzija se tkun qed tagħti welcome packs lill-viżitaturi, b’oġġetti li jistgħu jiġu użati matul iż-żjara tagħhom, b’messaġġi dwar l-użu responsabbli tal-enerġija u l-ilma li jfakkruhom li kulħadd għandu rwol importanti fil-mixja lejn is-sostenibbiltà.

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet dwar l-importanza tas-sostenibbiltà f’dan is-settur, bħal kull qasam ieħor tal-ekonomija. “Permezz ta’ din l-inizjattiva qed insostnu żewġ riżorsi ferm importanti, dawk tal-enerġija u l-ilma. Niltaqa’ ma diversi negozji li jkunu jixtiequ għajnuna teknika biex isiru aktar sostenibbli. B’inizjattiva bħal din ta’ EWA, flimkien ma’ skemi oħrajn bħal Smart and Sustainable tal-Malta Enterprise, qed niżguraw li minkejja li l-maġġoranza tan-negozji f’Malta huma żgħar jew medji, xorta jistgħu jistinkaw għal teknoloġiji u metodi aktar effiċjenti u sostenibbli,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-EWA, Manuel Sapiano qal li din l-iskema bla ħlas mhux biss qed tagħti pariri tekniċi lill-operaturi ta’ dawn il-lukandi żgħar, iżda qed taħdem ukoll biex gradwalment joħolqu bidla fil-kultura tal-viżitaturi li joqogħdu fihom, minħabba li dawn għandhom impatt sostanzjali fuq il-konsum tal-enerġija u l-ilma ta’ dawn in-negozji. Huwa spjega wkoll li l-EWA se tuża t-tagħrif u l-esperjenzi miksuba mill-proġett GUEST biex toħloq best practices li jistgħu jiggwidaw lill-operaturi oħrajn f’dan is-settur.

Amy Talbot, is-sid tal-boutique bed and breakfast Talbot and Bons fil-Gudja, irrimarkat kemm kien faċli biex applikat biex tieħu sehem fl-inizjattiva GUEST. Innutat li s-sostenn li sabet biex in-negozju tagħha jieħu sehem f’din l-iskema, kif ukoll iż-żjarat tal-uffiċjali tal-awditjar tal-enerġija u l-ilma tal-EWA, kienu kruċjali biex isaħħu l-impenn lejn operat aktar sostenibbli u effiċjenti.

Ekonomija

Sport