Sunday, August 3, 2025

Ġunju 2025 – xahar ta’ rekords ekonomiċi bla preċedent

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Ġunju li għadda se jidħol fl-istorja bħala wieħed li fih ġew irreġistrati rekords ekonomiċi bla preċedent li juru kemm il-familji Maltin u Għawdxin bħalissa għaddejjin minn perijodu ta’ prosperita kbira.

Skont il-Bank Ċentrali ta’ Malta fi tmiem Ġunju għall-ewwel darba fl-istorja l-familji Maltin u Għawdxin kellhom depositi mal-banek lokali aktar minn €19-il biljun ewro. Dan kien ifisser tkabbir ta’ aktar minn biljun u nofs ewro tifdil f’madwar tnax-il xahar. Kumparat mal-2013, il-familji bħalissa għandhom ferm aktar mid-doppju tal-flus il-bank. Aktar minn-nofs taż-żieda fid-depositi seħħet kemm ilu Prim Ministru Dr Robert Abela. 

Fl-istess ħin li qed ikun hemm tifdil daqstant b’saħħtu, il-familji qegħdin ukoll jżidu n-nefqa tagħhom. Filfatt stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li fit-tieni kwart tal-2025, jiġifieri bejn April u Ġunju, inħarġu rekord ta’ liċenzji ta’ vetturi ġodda. Tant li kellna żieda ta’ 7,917 liċenzja. Dan kien ifisser żieda ta’ 2,191 aktar mill-istess żmien sena qabel, jew kwart aktar. Ta’ min jinnota li 9 minn kull 10 tal-karozzi ġodda li żdiedu fuq it-toroq ta’ pajjiżna jaħdmu jew b’elettriku jew huma hybrid. Dan juri s-saħħa tal-inċentivi fiskali li qed jagħti lill-Gvern lil dawk li jixtru vetturi li għandhom impatt ambjentali anqas qawwi.

Esperti ekonomiċi jsostnu li ż-żieda fit-tifdil u fil-konsum tal-familji huma xprunati mit-tax cut qawwija li ddaħħlet fil-budget li permezz tagħha skont il-Bank Ċentrali l-familji spiċċaw b’żieda fid-dħul ta’ 2%.

Intant f’Ġunju minn statistika maħruġa mill-Eurostat jirriżulta li f’pajjiżna r-rata tal-qgħad naqset għal 2.5% biss, minn 3% sena qabel. Din mhux biss kienet l-anqas rata qatt irreġistrata fl-istorja ta’ pajjiżna, imma kienet tfisser li għall-ewwel darba pajjiżna huwa l-pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-anqas rata ta’ qgħad. Anke meta wieħed iħares lejn iż-żgħażagħ inkiseb ir-rekord li pajjiżna huwa dak li fih l-anqas hemm żgħażagħ ifittxu mpjieg. Dan meta fil-pajjiżi madwarna bħall-Italja, Spanja u l-Greċja l-qgħad huwa bejn erbgħa u ħames darbiet dak f’pajjiżna.

Fl-aħħarnett din il-ġimgħa ġiet ippublika statistika oħra pożitiva. Minn figuri tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali jirriżulta li kellna l-anqas ammont ta’ persuni dipendenti fuq l-assistenza soċjali. Dan hekk kif kien hemm tnaqqis ta’ kważi mitejn persuna oħra minn fuq dan il-benefiċċju soċjali, biex issa dawk fuq din l-assistenza huma ferm anqas minn-nofs tal-ammont li kien hemm qabel l-2013. 

Naqqsu wkoll b’madwar 300 l-anzjani dipendenti fuq l-għajnuna supplimentari. Dan hekk kif id-dħul ta’ ħafna anzjani kompla jiżdied grazzi għaż-żidiet qawwija mogħtija fl-aħħar żewġ budgets. Filfatt fl-ewwel nofs tas-sena l-ammont mogħti f’pensjonijiet ta’ rtirar kważi laħaq in-nofs biljun ewro, jew mitt miljun ewro aktar minn sentejn ilu. Il-pensjonijiet lir-romol fl-ewwel nofs tas-sena qabżu għall-ewwel darba fl-istorja il-figura ta’ mitt miljun ewro. Dan filwaqt li l-Gvern għadda kważi €25 miljun ewro lil kważi mitt elf persuna permezz tal-benefiċċju addizjonali tal-għoli tal-ħajja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport