Tuesday, May 14, 2024

Ġunju jibda bix-xita iżda jaqleb għall-bidu tas-sajf

Aqra wkoll

Minkejja li l-ewwel jiem ta’ Ġunju ma ġabux magħhom temp li normalment huwa assoċjat ma’ dan iż-żmien tas-sena, għal nofs ix-xahar it-temp sajfi beda jagħmel tiegħu u t-temperatura bdiet tiżdied.

Fil-fatt, l-ogħla temperatura kienet imkejla fit-23 jum meta laħqet il-35.2°C. Minkejja dan, ir-rekord għal Ġunju għadu f’idejn dak tal-2021, hekk kif f’dik is-sena, l-ogħla temperatura kienet telgħet għal 41.5°C fl-aħħar jum tax-xahar.

L-inqas temperatura f’Ġunju niżlet għal 16.5°C u kienet imkejla fit-tieni jum tax-xahar. Anke jekk l-aħħar jiem ta’ Ġunju kienu pjuttost sħan, l-ewwel ftit jiem b’temperaturi aktar kesħin wasslu biex it-temperatura medja żammet man-norma klimatika għax-xahar, jiġifieri dik ta’ 24.2°C.

Filwaqt li l-ewwel jiem tas-sitt xahar kienu pjuttost imxarrba, Ġunju kien aktar xott min-norma. Fil-fatt matul l-istess xahar, kienu mkejla 3.4 mm xita, jiġifieri 2.6 mm inqas min-norma klimatika. L-aktar jum imxarrab kien il-ħames wieħed meta f’24 siegħa kienu mkejla 1.6 mm xita. Fl-istess xahar kien hemm jumejn li fihom waqa’ ċ-ċpar, jiġifieri ġurnata aktar min-norma.

Minkejja l-ġranet xemxin u sħan li kkaratterizzaw l-aħħar jiem tax-xahar, it-temp instabbli tal-ewwel ġimgħa wassal biex Ġunju jkun iżjed mudlam mis-soltu. Fil-fatt, is-sigħat xemxin imkejla ammontaw għal 313.3, jiġifieri 20.8 siegħa xemxija inqas min-norma klimatika. Is-sitt jum tax-xahar kien l-aktar wieħed imdallam. Dakinhar ix-xemx baqgħet moħbija, iżda l-għada patta għaliha. Fil-fatt, is-Sette Giugno kienet l-aktar ġurnata xemxija ta’ Ġunju hekk kif tkejlu 13-il siegħa xemxija.

Ġunju kien ukoll xi ftit aktar mirjieħ min-norma klimatika. Fil-fatt, matul dan ix-xahar, il-medja tal-qawwa tar-riħ laħqet is-7.9 knots, jiġifieri 0.3 knots aktar min-norma klimatika. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha waslet mill-Grieg il-Lvant fil-ħamsa tax-xahar u laħqet id-39 knot.

Malli t-temp qaleb, il-bajjiet bdew jimtlew anke jekk il-baħar baqa’ 0.6°C aktar kiesaħ mis-soltu. Fil-fatt it-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar matul ix-xahar ta’ Ġunju kienet 21.4°C

Sport