Wednesday, December 25, 2024

Ġunju kien aktar sħun min-normal

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Ġunju kompla mat-tendenza tax-xhur ta’ qablu u laqa’ l-istaġun tas-sajf b’temp sħun u xott. Anke jekk it-tielet ġurnata tax-xahar kienet l-aktar waħda mxarrba, tant li kważi x-xita kollha mkejla matul ix-xahar (3.8 mm), niżlet matul l-istess jum, il-bqija tal-ġranet kienu nixfa qoxqox.

Jekk l-uċuħ tar-raba’ baqgħu bil-għatx minħabba inqas xita min-norma, it-temperaturi lanqas ma għenu. It-temperatura medja tax-xahar li għadda (25.8°C) kienet 1.6°C aktar min-norma klimatika.

L-ogħla temperatura matul ix-xahar li għadda tkejlet fil-21 ta’ Ġunju, fl-eqqel tat-tieni mewġa tas-sħana tas-sena, meta l-merkurju baqa’ tiela’ sa 35.8°C. Madanakollu, ir-rekord għall-ogħla temperatura qatt imkejla matul dan ix-xahar, għadha f’idejn Ġunju tal-2021, meta telgħet sa 41.5°C. It-temperatura f’wiċċ il-baħar ukoll kompliet togħla aktar mill-medja, tant li matul ix-xahar ta’ Ġunju, it-temperatura medja kienet 1.7°C aktar min-norma klimatika, biex laħqet it-23.7°C.

Anke jekk aktar sħun, Ġunju 2024 kien ftit iżjed imdallam min-norma. Fil-fatt, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 312.1 siegħa xemxija matul ix-xahar ta’ Ġunju, jiġifieri kważi 22 siegħa inqas min-norma klimatika. L-aktar jum imdawwal kien it-8 ta’ Ġunju, meta tkejlu 13.5 sigħat xemxin, filwaqt li t-12 ta’ Ġunju kien l-aktar wieħed imdallam, hekk kif tkejlu ftit inqas minn 3 sigħat xemxin.

Intant, il-jiem li ġejjin mistennija jġibu magħhom temperaturi għolja tant li l-Uffiċċju Meteoroloġiku diġà għandu fis-seħħ twissija biex il-pubbliku jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji.

Fil-fatt, għal tmiem il-ġimgħa, l-ogħla temperatura mistennija titla’ sa 35°C u tibqa’ tiżdied mill-Ħadd biex tilħaq is-36°C bejn it-Tnejn u t-Tlieta. L-indiċi tar-raġġi UV mistenni li jkun 10, meqjusa bħala perikolużi.

Dawn it-temperaturi sħan huma riżultat ta’ antiċiklun persistenti li żviluppa fuq il-kontinent Afrikan.

Minkejja dawn it-temperaturi għolja, il-ġranet sħan li ġejjin ma jidhirx li se jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala mewġa ta’ sħana. Biex perjodu ta’ ġranet sħan jiġi kkwalifikat bħala mewġa ta’ sħana, l-ogħla temperatura trid tkun 5°C aktar mit-temperatura massima medja tax-xahar (f’dan il-każ 31.7°C) għal tliet ġranet konsekuttivi. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur is-sit maltairport.com/weather għall-aktar tbassir tat-temp dettaljat.

Ekonomija

Sport