Il-ġuri ta’ Daniel Muka, li qed ikun akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema, kellu jiġi pospost wara li l-akkużat oġġezzjona għall-avukat li pprovdielu l-Istat.
Muka, Albaniż ta’ 28 sena, kellu jibda għaddej ġuri llum akkużat bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski. Iż-żewġt irġiel kienu nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar fir-residenza tagħhom nhar it-18 ta’ Awwissu 2020.
B’rabta ma’ dan il-qtil kienu tressqu wkoll Victor Dragomanski, li huwa mill-Maċedonja, u Jesper Kristiansen li huwa Daniż.
Sadanittant, meta kollox kien lest biex jibda l-ġuri ta’ Muka, l-Imħallef kien infurmat li l-akkużat kien qed joġġezzjona li jiġi assistit minn avukat tal-għajnuna legali.
Kien l-Avukat Simon Micallef Stafrace li informa lill-Imħallef Aaron Bugeja li l-akkużat ma riedx li huwa jidher għalih.
L-Imħallef Bugeja informa lill-persuni li kienu msejħa biex iservu bħala ġurati li setgħu jitilqu filwaqt li ta ċans lil Muka sal-20 ta’ Novembru biex jinforma lill-Qorti jekk ikunx sab avukat.