Tuesday, February 10, 2026

Ġuri fi Franza kkumplikat minħabba aħwa tewmin bl-istess DNA

Aqra wkoll

Żewġ aħwa tewmin identiċi li qed jgħaddu ġuri għal qtil fi Franza ħawdu għalkollox it-tentattivi kollha biex jiġi ddeterminat min minnhom spara u qatel f’każ ta’ qtil doppju. Il-kumplikazzjoni nqalgħet hekk kif it-tewmin għandhom l-istess DNA. 

Skont il-gazzetta awtorevoli Franċiża Le Parisien, l-aħwa ta’ 33 sena huma fost ħames persuni li qed jgħaddu ġuri f’Pariġi, akkużati bi qtil doppju u diversi tentattivi ta’ qtil sussegwenti fl-2020.

L-istess gazzetta rrappurtat li t-tnejn huma suspettati li kkonfoffaw biex jippjanaw il-qtil doppju, iżda d-DNA fuq ‘assault rifle’ użata aktar tard f’waħda mill-ġlied bl-armi setgħet tkun biss ta’ wieħed mit-tewmin.

Uffiċjal invetigatur tal-pulizija qal lill-qorti li l-esperti forensiċi ma setgħux jgħidu liema mill-aħwa kien implikat b’mod konklużiv. Huwa żied jgħid li ommhom biss tista’ tiddistingwihom wieħed minn ieħor. 

Jingħad ukoll li hemm atmosfera ta’ tensjoni fil-qorti fejn qed isir il-ġuri. Nhar it-Tlieta, intqal li ż-żewġ tewmin tkeċċew mill-awla talli rrifjutaw li jqumu bilwieqfa.

Il-pulizija għadha temmen li t-tewmin ħadu vantaġġ mix-xebh kbir tagħhom biex jaħbu t-traċċi tar-reati tagħhom. Uffiċjal anzjan ikkwotat minn Le Parisien qal li t-tewmin spiss skambjaw ħwejjeġ, telefowns u dokumenti ta’ identifikazzjoni.

Billi d-dejta ġenetika ma setgħetx tiddistingwi bejniethom, l-investigaturi straħu fuq rekords tat-telefonati, filmati ta’ sorveljanza, interċettazzjonijiet telefoniċi u sforzi biex jikkorroboraw fejn kienu u l-movimenti tagħhom, skont Le Parisien. Iżda l-mistoqsija kruċjali ta’ min spara l-arma rkuprata tibqa’ waħda miftuħa.

Il-proċess ikompli, bil-qorti mistennija tieħu deċiżjoni fl-aħħar ta’ Frar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport