Ġuri fl-Indja li kien jinvolvi grupp ta’ sitt irġiel li stupraw studenta ħa 32 sena biex inqata’. Il-ġimgħa li għaddiet fi tmiem il-ġuri, l-qorti kundannat lill-irġiel għal għomorhom il-ħabs. L-irġiel kienu jappartjenu għal familji sinjuri u influwenti f’Ajmer, belt fl-istat Indjan tal-punent ta’ Rajasthan.
Is-sena kienet l-1992. L-istudenta li llum għandha 50 sena u dak iż-żmien tal-każ kellha 18-il sena, kienet ittieħdet minn raġel li kienet taf f’maħżen abbandunat bl-iskuża li juriha filmati bil-video. Hemmhekk, sitta sa seba’ rġiel rabtuha, stuprawha u ħadu ritratti tal-att sesswali bl-iskop li wara jirrikattawha.
L-istudenta, li ngħatat l-isem ta’ Sushma kienet waħda mis-16-il vittma, kollha tfal tal-iskola jew studenti, li ġew stuprati u rikattjati minn grupp ta’ rġiel f’postijiet differenti fil-belt ta’ Ajmer fuq diversi xhur fl-1992. Il-każ kien sar skandlu kbir u qanqal protesti kbar.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Qorti tat sentenza ta’ għomor il-ħabs lil sitta mit-18-il akkużat. Huma ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom għad-delitt u l-avukati tagħhom qalu li se jappellaw il-verdett f’qorti ogħla.
Tmienja mit-12-il akkużat li fadal kienu ġew ikkundannati għall-għomru il-ħabs fl-1998, iżda erbgħa minnhom ġew illiberati minn qorti ogħla, u erba’ oħra tnaqqsitilhom is-sentenza tagħhom għal 10 snin.
Mill-erbgħa li kien fadal, wieħed miet b’suwiċidju. Ieħor kien ikkundannat għall-għomru fl-2007 iżda kien illiberat sitt snin wara. Wieħed instab ħati f’każ minuri relatat iżda aktar tard illiberat, u wieħed mill-akkużati għadu maħrub.
Wara s-sentenza tal-qorti, il-ġurnalista Santosh Gupta, li segwa sew il-każ, kien kiteb dwaru u kien anki xhud għall-prosekuzzjoni qal li s-sentenza m’hijiex ġustizzja u fakkar fil-ħsieb li kien imtenni mill-avukat tal-Qorti Suprema Rebecca John, li “ġustizzja mdewma hija ġustizzja miċħuda”.
Kiteb ukoll li d-dewmien biex inqata dan il-każ jindika problema li testendi ferm lil hinn mis-sistema legali tal-Indja. Is-soċjetà patrijarkali fil-pajjiż hija mkissra u dak li għandna bżonn huwa bidla fil-mentalità.
L-irġiel akkużati użaw is-setgħa u l-influwenza tagħhom biex iqarrqu, jheddu u jħajru lill-vittmi tagħhom, skont ma qalet l-avukat tal-prosekuzzjoni Virendra Singh Rathore.
F’każ ieħor, wieħed mill-akkużat stieden raġel li kien jafu għal party u sakkru bix-xorb biex ħadulu ritratti kompromettenti u heddu li jagħmluhom pubbliċi jekk ma jġibx lil sħabu nisa biex jiltaqa magħhom.
L-istess akkużat kellu wkoll konnessjonijiet politiċi u soċjali qawwija. Xi wħud minnhom kienu assoċjati ma’ dargah, il-famuż santwarju reliġjuż Musulman fil-belt.
Kompla jingħad li l-konnessjonijiet li kellhom dawn l-irġiel għenu biex il-każ quddiem il-qorti jinżamm magħluq għal xhur sħaħ. Iżda kien hemm nies, bħal dawk li jaħdmu fl-istudjo fejn ġew żviluppati r-ritratti u anke xi uffiċjali tal-pulizija, li kienu konxji ta’ dak li kien għaddej.
Il-ġuri dam għaddej għal 32 sena minħabba diversi fatturi, fosthom l-arresti tal-akkużati, allegati tattiċi ta’ dewmien mid-difiża, prosekuzzjoni mhux iffinanzjata u kwistjonijiet sistemiċi fi ħdan is-sistema tal-ġustizzja.
Meta l-pulizija ressqet l-akkużi inizjali fl-1992, sitta mill-akkużati li nstabu ħatja il-ġimgħa li għaddiet kienu tħallew barra.
Virendra Singh Rathore, l-avukat tal-prosekuzzjoni sostniet li dan kien żball, peress li meta l-pulizija finalment ressqet akkużi kontra s-sitt irġiel fl-2002, kienu għadhom maħrubin. Tnejn minnhom ġew arrestati fl-2003, ieħor fl-2005 u tnejn oħra fl-2012, filwaqt li l-aħħar wieħed inqabad fl-2018.
Kull darba li wieħed mill-akkużati kien arrestat, il-ġuri kien jibda mill-ġdid. Dan poġġa lill-vittmi fil-pożizzjoni orribbli li jkollhom jerġgħu jgħixu t-trawma tagħhom għal iktar minn darba.