Ġurnalist Eġizzjan, Mohamed Ashraf, ġie akkużat li ngħaqad ma’ grupp terroristiku, ftit jiem biss wara li l-membri kollha tal-kamra aħbarijiet tal-pjattaforma “Matsadaash” inżammu taħt arrest f’dak li gruppi tad-drittijiet tal-bniedem iddeskrivew bħala ripressjoni kontra l-libertà tal-istampa.
Il-ġimgħa l-oħra, l-awtoritajiet arrestaw sitt ġurnalisti mill-pjattaforma indipendenti Matsadaash – li litteralment tfisser “temminx” – u li tispeċjalizza fil-verifika tal-fatti u l-ġurnaliżmu investigattiv.
Il-ġurnalisti ġew akkużati li kienu qed joperaw mingħajr liċenzja u jippubblikaw aħbarijiet foloz f’isem il-grupp ipprojbit tal-Fratellanza Musulmana (Muslim Brotherhood). Is-sitt ġurnalisti ġew arrestati mill-forzi tas-sigurtà f’jumejn.
Nhar il-Ħadd, l-awtoritajiet Eġizzjani ressqu akkużi kontra Mohamed Ashraf, fost oħrajn illi ssieħeb fi grupp terroristiku u li xerred aħbarijiet foloz, skont stqarrija mill-grupp Eġizzjan għad-Drittijiet, li hija organizzazzjoni mhux governattiva.
L-akkużi saru wara interrogazzjoni li damet mill-10 ta’ filgħaxija sat-8 ta’ filgħodu u li ffukat esklussivament fuq materjal ippubblikat minn Matsadaash, skont l-istess organizzazzjoni.
Ashraf kellu jinżamm taħt arrest għal 15-il jum sakemm issir l-investigazzjoni, filwaqt li l-post fejn kienu jinsabu l-ħames ġurnalisti l-oħra kien għadu mhux magħruf.
Abdelrahman Mansour, il-ko-fundatur tal-pjattaforma Matsadaash, ċaħad li kellu xi rabta mal-Fratellanza Musulmana, moviment transnazzjonali li ġie kklassifikat bħala organizzazzjoni terroristika mill-Eġittu fl-2013 wara li l-eks President Mohamed Morsi, figura prominenti tal-Fratellanza, tneħħa mill-poter f’kolp ta’ stat.
Nhar is-Sibt, għexieren ta’ ġurnalisti għamlu protesta bilqiegħda quddiem is-Sindikat tal-Ġurnalisti Eġizzjani (EJS) fil-Kajr, fejn talbu l-ħelsien tal-membri tal-istaff ta’ Matsadaash. Huma ddikjaraw li kienu se jkomplu bil-protesta għal żmien indefinit sakemm jinħelsu l-ġurnalisti, filwaqt li l-EJS ħabbar li kien se jsejjaħ laqgħa ta’ emerġenza.
L-EJS kien diġà ressaq talba lill-Ministeru tal-Intern u lill-Prosekutur Pubbliku biex il-ġurnalisti jinħelsu u biex tinkiseb informazzjoni dwar fejn kienu qed jinżammu.

