Thursday, September 4, 2025

“Ġurnaliżmu ta’ kwalità  jibqa’ kruċjali għad-demokrazija tal-pajjiż” – Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Ministu Robert Abela lbieraħ iddikjara li  l-istorja turina li l-ġurnaliżmu ta’ kwalità jibqa’ dejjem kruċjali għad-demokrazija tal-pajjiż.  Fid-diskors li għamel hu enfasizza l-impenn kontinwu tal-Gvern li jara li l-ġurnaliżmu jkompli jissaħħaħ. Hu rrefera għat-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-midja, li tagħti prijorità lill-protezzjoni tal-ġurnalisti, it-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni u l-ħarsien tal-integrità professjonali.   Iddikjara li f’din ir-riforma, il-Gvern għandu l-għan li jsaħħaħ il-qafas legali billi jħares kemm il-libertà ġurnalistika kif ukoll id-dinjità tal-bniedem.  

Hawn semma’ kif il-Gvern mhux jara li jintroduċi l-libell kriminali, għax kienet din l-amministrazzjoni li neħħietu, iżda hemm diskussjoni li għandha tkun aktar fl-ambitù legali ċivili.  

Il-Prim Ministru Robert Abela  iddikjara dan waqt business breakfast f’għeluq id-90 sena mit-twaqqif tat-Times of Malta.  

Hawn il-Prim Ministru nnota li x-xenarju tal-midja llum il-ġurnata hu msawwar minn sfidi fejn il-fatti jiġu mistoqsija u d-diżinformazzjoni tinfirex b’mod mgħaġġel, filwaqt li l-ġurnaliżmu qed jiffaċċja pressjonijiet kemm ekonomiċi kif ukoll diġitali. 

Dr Abela sostna li l-liġi ċivili trid tkompli toffri protezzjoni lil dawk il-ġurnalisti ta’ rieda tajba u rimedju proċedurali u kompensatorju effettiv lil dawk li huma vittmi ta’ dawk li jabbużaw mil-libertà tal-espressjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela iddikjara li “aktar minn kwistjoni ta’ liġi, kwistjoni ta’ attitudni, ta’ min qed jirrapporta, jekk intix blogger, jekk intix tipparteċipa fil-ġurnaliżmu stampat, ir-responsabbiltà ta’ kull ġurnalist li  jinforma lill-pubbliku. Dak hu dritt fundamentali li l-pubbliku jiġi informat u jingħata stampa sħiħa u fattwali tal-fatti, però fl-istess waqt ukoll li ma jweġġax individwi inġustament jekk ma ħaqqhomx li jiġu mweġġgħin’. Ikun hemm ukoll ċerti attakki li naħseb imorru lil hinn minn dak li hu aċċettabbli wkoll f’soċjetà demokratika u tajjeb li wieħed iħares lejn dak is-settur ukoll.” 

Kompla jgħid li l-Gvern mexxa wkoll ’il quddiem tliet proposti leġiżlattivi biex jiġi żgurat li l-libertà tal-istampa tkun minquxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll biex jissaħħu d-drittijiet tal-privatezza, waqt li l-ġurnalisti jingħataw salvagwardji aktar b’saħħithom kontra l-intimidazzjoni. 

Hu nnota b’sodisfazzjon li Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa bil-leġiżlazzjoni tal-anti-SLAPP u l-passi li ttieħdu biex titjieb is-sigurtà tal-ġurnalisti, fosthom protokolli ġodda biex il-pulizija u s-servizzi tas-sigurtà jirrispondu malajr u b’mod effettiv għat-theddid.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport