Bla dubju, il-ġinnasta Amerikana, Simone Biles, trid tinsa l-ġurnata tal-bieraħ minħabba li minbarra li ma rebħet l-ebda deheb minn żewġ dixxiplini, hija waqgħet minn fuq il-balance beam u mbagħad weġġgħet fil-floor exercise biex għamlet ħsara lill-pexxul.
L-attenzjoni kienet fuq Biles, 27 sena, li fil-jiem preċedenti kienet diġá rebħet id-deheb tat-timijiet, all-around u vault u għaldaqstant kien hemm antiċpazzjoni kbira fil-ġurnata tal-bieraħ.
Iżda ma kellux ikun!
Hija tilfet il-bilanċ waqt li kienet qed tesegwixxi t-tmien prova tagħha fuq apparat li huwa wiesa’ biss 10 ċentimetri.
Min-naħa l-oħra, il- kompatrijotta tagħha, Sunisa Lee, ukoll waqgħet minn fuq il-beam biex spiċċat fis-sitt post.
Kienet it-Taljana, Alice D’Amato, li rebħet din id-dixxiplina bi skor ta’ 14.366 punti. Iċ-Ċiniża, Yaqin Zhou (14.100) spiċċat fit-tieni post filwaqt li t- Taljana, Manila Esposito (14.000) rebħet il-midalja tal-bronż.
Imbagħad, fil-floor exercise, hija weġġgħet waqt il-warm-up biex kien hemm il-biżgħa li tirtira minn din il-kompetizzjoni.
Peró hija ħadet sehem u minkejja li kienet qed izzappap hija rnexxielha tirbaħ il-fidda (14.133) bil-bronż tmur għand il-kompatrijotta tagħha, Jordan Chiles (13.766).
Peró, il-Brażiljana, Rebeca Andrade (14.166) spiċċat bħala r-rebbieħa.