Saturday, December 21, 2024

Ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga 

Aqra wkoll

“Aktar minn 10 snin ilu Gvern Laburista kellu l-kuraġġ iwettaq riforma importantissima fejn tratta l-veru vittmi tad-droga b’tali mod li dawn jingħataw ċans ta’ riabilitazzjoni u mhux jibqa’ jitrattahom ta’ kriminali. 

“Din ir-riforma (kif proposta) se tkun qiegħda tikkumplimenta dak l-isforz u tkompli tibni biex tkun tista’ ssir ġustizzja aktar effettiva għal dawk li huma l-veru vittmi ta’ każijiet ġenwini biex huma jkollhom il-possibbiltà li jibdew it-triq it-tajba.”

Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fil-Parlament meta beda jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li jemenda liġijiet varji dwar id-droga. Abbozz li fi kliem il-Ministru Attard jikkonferma kemm gvern Laburista mhu lest qatt li jsabbat il-bibien jew jifga tamiet ta’ persuni li verament u bil-qalb u bir-rieda juru biċ-ċar li jridu jinbidlu għall-aħjar.

Huwa ċċara diversi aspetti b’mod partikolari dwar l-iskeda abbinata mal-Qorti tad-Droga, il-possibiltà ta’ ordni ta’ probation, l-iskeda fir-rigward tal-kompetenza tal-Qorti u dik li sejħilha bħala “l-fake news” sfaċċat fir-rigward ta’ użu ta’ armi u splussiv.

Il-Ministru Attard stqarr li l-konsultazzjoni pubblika u l-laqgħat li saru mas-Sedqa, Caritas u l-OASI, wasslu biex illum qed tkun proposta l-ħolqien ta’ skeda ad hoc għall-analiżi ta’ jekk każ jaqax taħt il-parametri sabiex il-Qorti tikkonverti ruħha għal Qorti dwar id-droga jew le. 

Bil-għan li jinħoloq bilanċ ġust ma dawk li għal xi raġuni jew oħra spiċċaw vittmi tad-droga, iżda ma jikkwalifikawx għall-qorti tad-droga, qiegħed jiddaħħal kuncett ġdid sabiex il-Qorti, fid-diskrezzjoni tagħha, meta qed tara persuna li tkun instabet ħatja għall-ewwel darba u se tingħata sentenza taħt is-sentejn, toħroġ Ordni ta’ Probation, b’tali mod li tagħti ċans akbar ta’ riabilitazzjoni u fl-istess sorveljenza.

L-abbozz jipproponi li b’hekk il-Qorti, meta tkun waslet għas-sentenza f’proċeduri relatati mad-droga, għandha l-ewwel tikkostata kemm se tkun is-sentenza, u sussegwentament jekk il-Qorti tkun tal-opinjoni li mhux aktar minn sentejn, tkun tista’ tapplika l-probation.

Linji Gwida aġġornati għal skop proċedurali

Il-liġi kurrenti tipprovdi li l-istess skeda li tintuża għall-kompetenza tal-Qrati, kienet tintuża wkoll għal skop tal-Qorti tad-Droga. Abbażi tal-feedback miġbur fil-konsultazzjoni pubblika, kien deċiż li jsiru 2 skedi distinti.

Skeda li titratta l-kompetenza tal-Qrati, b’ammonti aġġornati dwar quddiem liem Qorti għandha ssir il-prosekuzzjoni.

Din l-iskeda, hekk kif aġġornata se sservi biss sabiex aktar każijiet ikunu jistgħu jinbdew mill-ewwel u jitkomplew quddiem il-Qrati tal-Maġistrati minflok bil-proċedura ta’ kumpilazzjoni bil-prospett ta’ ġuri.

L-aġġornament tal-ammonti fl-iskeda li tintuża biex tiddetermina l-kompentenza tal- Qrati huma bbażati fuq każistika li żviluppat matul dawn l-aħħar 14-il sena, fejn jirriżulta bl-aktar mod ċar li qatt ma ngħataw pieni aktar minn 10 snin.

Eżempju sentenzi viċin l-1000g Kannabis:

1,575g – 5 snin

1,100g – 4 snin u seba’ xhur

1,000g – 5 snin u sitt xhur

593g – 4 snin u 5 xhur

500g – Sentejn

Il-Ministru Attard reġa’ ċċara li din l-iskeda m’għandha x’taqsam xejn mal-użu personali jew mad-dipendenza fuq id-droga. Fil-fatt, dan l-aspett ftit li xejn kien hemm reazzjoni għalih fil-konsultazzjoni pubblika.

Eżerċizzju ta’ Diskrezzjoni tal-Qorti sabiex tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-Droga

Illum il-fakultà li l-qorti tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-Droga hija eskluża fejn ir-reat li bih il-persuna tkun akkużata jkun jikkonsisti f’offiża volontarja fuq il-persuna jew ikun twettaq waqt li l-akkużat kien fil-pussess ta’ arma jew bl-użu ta’ nar jew splussiv.

Peress illi mhux neċesarjament kull akkuża li teknikament taqa’ f’dawn il-parametri tkun fil-fatt akkuża ta’ reat ġravi li jimmerita din l-esklużjoni, qed ikun propost illi fejn il-Qorti wara li tqis il-gravità attwali tar-reat li bih il-persuna tkun akkużata, tara li l-applikazzjoni ta’ din l-esklużjoni fiċ-ċirkostanzi partikolari tkun toħloq preġudizzju sproporzjonat, il-Qorti tkun tista’ fid-diskrezzjoni tagħha xorta tagħżel li tikkonverti ruħha xorta f’Qorti dwar id-Droga.

Din id-diskrezzjoni tista‘ tiġi applikata BISS f’każ fejn il-piena minima ma tkunx ta’ aktar minn sentejn priġunerija u r-reat ma jkunx ġie mwettaq bl-użu ta’ arma tan-nar jew splussiv.

Din il-proposta hija intiża sabiex iddaħħal iżjed konsiderazzjoni realistika tal-aspett attwali u uman fil-valutazzjoni legali

Il-Ministru Attard spjega wkoll li qed jiġi propost li jiżdied i-numru ta’ membri li jiġu appuntati fuq il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga kif ukoll li jiġi stabbilit quorum tan-numru ta’ membri li jridu jkunu preżenti waqt il-laqgħat.

“Din l-emenda hija intiża sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jsiru seduti tal-bord minħabba nuqqas ta’ attendenza ta’ membru jew ta’ xi membri,” qal il-Ministru Attard.

Kjarifika tal-ħtiġijiet sabiex il-Qorti tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-Droga

Sabiex persuna tkun tista’ tagħmel talba lill-Qorti biex tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-Droga hemm għadd ta’ kriterji li jridu jiġu sodisfatti. Dawn jinkludu li l-akkuża trid tkun sostanzjalment attribwibbli għad-dipendenza ppruvata fuq id-droga tal-akkużat.

Illi bl-emendi proposti se tiddaħħal kwalifika fis-sens illi r-reat irid ikun twettaq waqt perjodu li fih l-akkużat kien dipendenti fuq id-droga u r-reat ikun sostanzjalment attribwibbli għad-dipendenza fuq id-droga.

Qiegħda tkun proposta wkoll emenda f’dak li għandu x’jaqsam mar-rapport finali li joħroġ mill-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-Droga, fejn ir-rapport preżentat lill-qorti m’għandux ikun biss rapport b’konklużjoni pożittiva jew le, iżda rapport sostanzjat b’raġunijiet kif ukoll spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.

Dan sabiex il-Qorti jkollha għarfien komplut tal-każ speċifiku u tkun tista’ tapplika l-liġi bl-aħjar mod tenut kont tas-sitwazzjoni partikolari tal-individwu.

Komunika tad-Deċiżjoni tal-Bord lill-Qrati Oħra

Illum l-Att dwar id-Dipendenża Fuq id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija) jipprospetta xenarju fejn Qorti li tkun ikkonvertiet ruħha f’Qorti dwar id-Droga, wara li l-akkużat ikun lesta l-proċess ta’ riabilitazzjoni b’suċċess, għandha l-fakultà li ssejjaħ quddiemha l-każijiet kriminali kollha pendenti li jkollu l-akkużat u li ma jkunux jeċċedu l-kompetenza tal-Qorti partikolari u tiddeċidihom hi. 

Fil-prattika din id-diskrezzjoni ma ġietx effettivament eżerċitata u huwa rikonoxxut li għad li jista’ jkollha vantaġġi din is-sistema għandha wkoll l-iżvantaġġ li tgħabbi lill-ġudikant b’numru ta’ kawżi li jkun irid jiffamiljarizza magħhom mill-ġdid, u dan possibbilment askapitu tas-smigħ ta’ kawżi oħra u tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja. 

Huwa propost illi dan l-aspett tal-liġi jiġi emendat bil-għan li dak provdut fil-liġi jkun fattibbli b’mod iżjed effiċjenti fil-prattika.

Il-bdil propost joħloq sistema fejn il-Qorti li tkun ikkonvertiet ruħha f’Qorti dwar id-Droga, minflok ma tiġbor il-każijiet kollha tal-akkużat biex jiġu deċiżi minnha, ikollha l-fakultà li tikkomunika d-digriet pożittiv tal-proċess riabilitattiv lill-Qrati l-oħra li quddiemhom l-individwu jkollu każijiet kriminali u dan sabiex dawk l-istess Qrati li jkunu semgħu l-każijiet partikolari, ikunu jistgħu jieħdu inkonsiderazzjoni r-riabilitazzjoni b’suċċess tal-akkużat.

Dan se jkun ifisser li jkun l-istess ġudikant li jkun sema’ l-kawża li jgħaddi sabiex jiġġudika u dan wara li jieħu konsiderazzjoni tal-konklużjonijiet dwar ir-riabilitazzjoni tal-akkużat.

Jibqa’ wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-Gvern illi l-faċilitajiet korrettivi jkunu nodfa mid-droga. Madankollu s-sitwazzjoni ta’ persuni li għal xi raġuni jew oħra jinstabu fil-pussess ta’ droga għal użu personali f’dawn il-faċilitajiet, jew postijiet ta’ detenzjoni trid ukoll tiġi indirizzata.

Persuna li għandha dipendenza mid-droga u li tinstab ħatja ta’ pussess sempliċi kommess ġewwa faċilità korrettiva jew post ieħor ta’ detenzjoni tista’ teħel sa sena ħabs, wara li jkun applikat l-artikolu 33A ta’ Kapitolu 9 u bl-applikazzjoni tal-istess artikolu tal-liġi lanqas tista’ tingħata Ordni ta’ Probation.

Dan għaliex ma jistax ikun applikat fil-konfront tagħha l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija).

Għaldaqstant, qed ikun propost li jibda jkun japplika l-Att dwar id-dipedenza fuq id-Droga, fil-konfront ta’ dik il-persuna li tkun diġà skontat is-sentenza tagħha u ħarġet mill-faċilità korrettiva, jew ma tkunx għadha detenuta fil-post ta’ detenzjoni b’tali mod li ma terġax tibgħatha l-ħabs u tiddisturbalha ħajjitha fuq pussess sempliċi ta’ droga li twettaq meta kienet f’perjodu ta’ dipendenza ppruvata fuq id-droga.

B’hekk dik il-persuna tkun tista’ tibbenefika mill-proċess ta’ riabilitazzjoni taħt id-direzzjoni tal-Qorti dwar id-Droga.

Din il-proposta qiegħda tfittex ukoll illi ssib il-bilanċ bejn il-bżonn illi l-faċilitajiet korrettivi jibqgħu ħielsa mid-droga u l-ħtieġa li tiġi evitata l-ħsara li tiġi kkaġunata meta persuna, b’konsegwenza ta’ reat li kieku ma ġiex kommess ġo faċilità korrettiva x’aktarx ma kienx iwassal għal sentenza ta’ ħabs effettiva, tkun trid bilfors terġa’ tissokkombi għal priġunerija effettiva wara li tkun ħarġet mill-ħabs.

Possibbilità ta’ Proċess fil-Qorti Kriminali Mingħajr Ġurati

Il-Ministru Attard spjega li n-numru ta’ ġurijiet pendenti quddiem il-Qorti Kriminali huwa wieħed sostanzjali, fil-fatt minn 211 ġuri pendenti hemm 112 li jittrattaw reati marbuta mad-droga u għaldaqstant il-Gvern iħossu fid-dmir illi jieħu dawk il-passi neċessarji sabiex il-ġustizzja f’dik il-qorti, li tittratta l-aktar każijiet kriminali gravi, ssir b’mod xieraq iżda wkoll effiċjenti.

Illum il-fakultà illi persuna akkużata tgħaddi proċess fil-Qorti Kriminali komposta mingħajr ġurati teżisti dwar l-akkużi kollha li mhumiex soġġetti għall-piena tal-għomor il-ħabs.

Legalment it-traffikar tad-droga huwa soġġett għal dik il-piena iżda fil-prattika dik il-piena massima qatt ma jidher li ġiet applikata għal dak ir-reat minkejja li l-proċessi dwar traffikar tad-droga kienu numerużi.

Filwaqt li mhuwiex jiġi propost illi titnaqqas il-piena massima tal-għomor il-ħabs qiegħed ikun propost illi l-esklużjoni tal-fakultà li jsir proċess fil-Qorti Kriminali mingħajr ġurati ma tibqax tapplika fejn l-akkużi li jistgħu jwasslu għal dik il-piena jkunu akkużi taħt il-liġijiet kontra d-droga.

Il-Ministru Attard tenna li l-Gvern jemmen f’pieni iebsa kontra t-traffikanti tad-droga u din ir-riforma mhu se ċċaqlaq xejn minn dak il-prinċipju. Huwa temm jgħid li jittama li l-Oppożizzjoni ta’ lanqas fuq suġġett bħal dan ma tibqax tapplika politika tal-fake news u l-miżinformazzjoni.

“F’Malta hawn konsum kbir tad-droga” – Karol Aquilina

Il-Keliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina stqarr li Malta mifqugħa bid-droga u li tmur fejn tmur anke fl-aktar okkażjonijiet soċjali importanti fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin issib id-droga u “l-konsum tagħha żdied b’mod allarmanti ħafna.” 

Huwa żied jgħid li ma semax lill-Ministru jgħid kif se jsaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Qal li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni hi gwerra sħiħa kontra t-traffikar tad-droga u ħniena ma’ min hu vittma imma fi kliemu “l-gwerra rridu nagħmluha l-ewwel biex ma noħolqux vittmi.”

Ekonomija

Sport