ĠUSTIZZJA FIT-TAXXI
Forzi sostanzjali fl-Ewropa, u mhux biss mix-xellug, iqisu li issa hu ż-żmien biex tissaħħaħ l-għajta favur ġustizzja fl-istruttura tat-taxxi u fil-mod kif it-taxxi jinġabru.
Ftit tista’ toħroġ kontra din l-għajta, aktar u aktar meta tintrabat mas-sejħa biex jitwaqqaf kull ħasil ta’ flus u kull mezz kif taxxi dovuti minn persuni jew kumpaniji jiġu evitati. Għalina minn Malta madakollu, din il-pressjoni għal aktar “ġustizzja” fit-tassazzjoni tpoġġina ta’ spiss f’qagħda delikata. L-aqwa proponenti ta’ hekk jemmnu li kemm jista’ jkun, m’għandux ikun hemm “kompetizzjoni” bejn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea dwar x’taxxi jwaħħlu. Jifhmu li għandu jkun hemm l-istess livell minimu ta’ taxxa fuq id-dħul u l-profitti mal-Unjoni kollha. Jaqblu li t-taxxi għandhom jiġu kkalkolati kullimkien bl-istess mod u ċċarġjati bl-istess riga. Iridu jdaħħlu taxxa fuq kull negozju finanzjarju li jsir…
Miżuri bħal dawn ikunu ta’ dannu għas-settur tas-servizzi finanzjarji li għandu profil qawwi f’pajjiżna. Imma meta nitkellmu kontra dawn il-proposti, ninħassu li ma jimportaniex mill-ħtieġa li sseħħ ġustizzja fl-issettjar tat-taxxi.
POLITIKA KOMPETITTIVA
Il-politika kullimkien hi kompetittiva u fejn ma kinitx jew ma baqgħetx, id-demokrazija batiet. Il-problema ħafna drabi tqum minn dik li bl-Ingliż tissejjaħ zero sum game: ir-rebħ ta’ naħa irid bilfors jissarraf fit-telf tan-naħa l-oħra.
Żgur li ma nistgħux ngħidu li f’Malta l-politika m’hijiex kompetittiva. Anzi, it-telf u r-rebħ ikunu aktar immarkati minn f’xenarji politiċi oħra, għax it-tellieqa dejjem għaddejja bejn żewġ partiti.
Wieħed jistenna li b’hekk, se jinħolqu sitwazzjonijiet jaħarqu. Li se jkun hemm okkażjonjiet fejn naħa jew oħra, kif ukoll il-membri tagħhom se jitgħajru u jżebilħu lil xulxin bil-qalil. Il-mezzi tal-midja soċjali ikomplu jħarxu dil-problema.
Sa issa, kollox baqa’ miżmum f’ċertu limitu. Imma issa donni qed nagħraf fl-aħħar xhur, żieda qawwija wisq ta’ ħdura personali bejn esponenti politiċi ewlenin u ta’ madwarhom. Inkwetanti.
BL-IMNUT
F’Marzu, l-bejgħ bl-imnut f’Malta naqas fil-kwantità b’1.3 fil-mija mqabbel max-xahar ta’ qabel – ħafna anqas minn x’ġara fiż-żona tal-ewro kollha kemm hi, bi tnaqqis ta’ 10.6 fil-mija.
F’April, waqt li fiż-żona tal-ewro t-tnaqqis kien ta’ 12.1 fil-mija, f’Malta kien ħafna akbar: 24.3 fil-mija. Fuq xahrejn, spiċċa akbar mit-tnaqqis taż-żona.
Iddiskutejna fuq hekk minn dal-blogg.
Issa għal Mejju, iż-żona tal-ewro rreġistrat żieda fil-bejgħ bl-imnut ta’ 17.8 fil-mija; f’Malta żidna bi 11.4 fil-mija. Wieħed jistenna li ghal Ġunju, t-tkabbir f’Malta jkun akbar minn fiż-żona tal-ewro. U l-mistoqsija tiġi: iż-żieda tal-bejgħ bl-imnut f’Mejju u Ġunju fuq xahrejn sħaħ, se tkun akbar jew anqas f’Malta milli fiż-żona tal-ewro?