Hekk kif illum fil-Parlament bdiet id-diskussjoni fl-istadju tat-Tieni Qari b’rabta mar-riforma fl-inkjesti maġisterjali, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li din hija riforma favur it-trasparenza, il-kontabilità u li tiżgura li ħadd ma jitħalla jabbuża aktar mill-għodod tal-ġustizzja.
“Ġustizzja iva. Abbuż mill-ġustizzja le. Qed niġu hawn b’wiċċna minn quddiem niddibattu dan it-tieni qari tal-abbozz għaliex determinati li nġibu ’l quddiem riforma oħra minn sensiela ta’ riformi li għamilna f’dan il-pajjiż biex insaħħu l-governanza tajba,” saħaq il-Prim Ministru.
Huwa nnota li din ir-riforma kienet imwiegħda fil-manifest elettorali “Malta Flimkien”. Qal li din saret għaliex konna ilna naraw dak li sejjaħlu “abbuż sistematiku fil-liġi li tirregola l-inkjesti maġisterjali.” Abbuż li saħaq ilu snin għaddej u li jitwieled mill-qafas ħażin li għandu mal-175 sena.
Min-naħa l-oħra, Dr Abela semma kif l-Oppożizzjoni kienu għadhom lanqas kienu għadhom qraw l-abbozz u vvutaw kontra fl-Ewwel Qari. “Qegħdin hawn insaħħu u nirrisponsabbilizzaw l-inkjesta tal-privat. L-Oppożizzjoni tal-lum hija karatterizzata mill-aspett populista u partiġġjan li jmexxiha ta’ kuljum,” qal il-Prim Ministru.
Dr Abela qal li l-PN ilu snin jirrifjuta li jissottometti l-kontijiet finanzjarji tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali. Dan meta hemm obbligu legali. Huwa tenna li għandek partit li ilu 11-il sena fl-Oppożizzjoni, ipenġi lilu nnifsu ta’ paladin tas-saltna tad-dritt imma li fi kliemu ta’ kuljum jagħmel bil-kontra.
“Se nkomplu nelevaw is-serjetà tal-inkjesta Maġisterjali”
Il-Prim Ministru sostna li b’din ir-riforma li qed iressaq il-Gvern, ir-rapport irid jinfetaħ mal-pulizija. Jekk wara sitt xhur persuna ma tkunx sodisfatta bl-andament, jista’ jitressaq rikors għand Imħallef. quddiem il-Qorti Kriminali, jeħtieġ li jkunu ppreżentati provi li jkunu ammissibbli.
Qal li kull ċittadin għandu jedd li meta għandu l-provi li xi ħadd wettaq reat kriminali, ikollu d-dritt li jmur għand l-għodod li għandu l-istat biex dak ir-reat ikun investigat. Fl-istess ħin ċittadini u negozji onesti għandhom il-jedd li ma jkunux esposti għal vendikazzjoni “ta’ grupp ta’ nies” li jabbużaw mill-qafas ta’ liġi ta’ kważi 200 sena u jużawh għall-għanijiet ħżiena tagħhom.
“Se nkomplu nelevaw is-serjetà tal-inkjesta Maġisterjali. F’dak il-proċess se jidħol il-Pulizija, l-individwu li għamel il-kwerela, se jidħol Maġistrat u se jidħol ukoll Imħallef,” tenna l-Prim Ministru.
“Dak li qed nagħmlu, qed nirriformaw qafas leġiżlattiv biex nassiguraw li ħadd ma jispiċċa vittma ta’ liġi ħażina, li min ħaqqu ma jaħrabx min idejn il-ġustizzja fuq teknikalitajiet, jew nuqqas ta’ osservanza ta’ jeddijiet bażiċi.”
Huwa spjega wkoll li qed jiddaħħal rimedju ġdid illi min jiftaħ inkesta tal-privat li tkun saret b’mod kattiv, li tkun saret għalxejn u l-Maġistrat jiddeċiedi dan, allura dak li jkun li ġie aggravat, Maġistrat jista’ jikkundanna lil kull min fetaħ l-inkjesta għall-ispejjeż kollha tal-inkjesta. Min jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż, għandu appell quddiem l-Imħallef.
B’din il-liġi wkoll, kull sitt xhur, il-vittmi jew il-familjari tagħhom iridu jingħataw aġġornament ta’ fiex ikun wasal il-proċess. “Nemmnu fil-kontabbiltà. Il-kontabbiltà tfisser ukoll li ma jkollniex aktar epserti barranin f’dan il-pajjiż li joħolqu racket li minnu jaqilgħu miljuni kbar mit-taxxi tagħna. Imbagħad jgħidulek: ma rridx niġi nixhed.
“Hija riforma li torbot mal-prinċipju. Nemmen f’pajjiż li fih ma tirrenjax il-mibegħda iżda l-imħabba. Pajjiż fejn il-vendikazzjonijiet ma jkollhomx post. Iżda r-rispett u s-sewwa jixprunaw lil dan il-pajjiż li tant inħobbu,” qal il-Prim Ministru.
Intant, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern se jressaq abbozz ieħor biex jiġu protetti ħaddiema taċ-Ċivil biex dawn ikomplu għaddejjin b’xogħolhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Gvern qed jippreżenta din il-liġi għaliex skontu “għandu l-faħam miblul.” Huwa akkuża lill-Gvern ukoll li b’dak li jrid jgħaddi mill-Parlament se jċaħħad id-drittijiet illi ċ-ċittadin Malti għandu llum. Dr Grech saħaq ukoll li “minflok żidilhom id-drittijiet lill-Maġistrati, irid inaqqsilhom dik is-saħħa u l-poter li għandhom.”
Sadanittant, fi stqarrija li ħareġ ftit tal-ħin ilu, il-Partit Laburista kkundanna l-allegazzjoni serja li għamel ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja Karol Aquilina meta fil-Parlament qal li l-Gvern qed jagħmel l-emendi fl-inkjesti maġisterjali biex ikun jista’ joqtol lil xi ħadd.
“Fl-ebda ħin Karol Aquilina ma ssostanzja dak li qal. Il-Partit Laburista jirrimarka li dan il-gideb ma jagħmel l-ebda ġieħ lil min jgħidu, minkejja kull intenzjoni biex jattakka lin-naħa tal-Gvern. Il-Partit Laburista jitlob li Bernard Grech jikkundanna dan id-diskors li sar minn deputat tiegħu stess,” qal il-PL. “Din id-dikjarazzjoni insensata tixhed id-dagħdiha ta’ isteriżmu u estremiżmu politiku, fl-agħar forma tiegħu, li ħakem lill-Partit Nazzjonalista.”