Monday, June 30, 2025

Ġustizzja, Kooperazzjoni u Inklużjoni fis-Sajd fil-Mediterran

Mis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

Aqra wkoll

Fit-18 ta’ Ġunju 2025, kelli l-unur nindirizza l-parteċipanti fil-laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv tal-Mediterran (MEDAC) li saret fil-Lukanda Excelsior, il-Belt Valletta. Li nilqa’ sajjieda, dawk li jfasslu l-politika, u esperti minn madwar ir-reġjun f’pajjiżna kien privileġġ. Ħadt l-opportunità nsaħħaħ il-wegħda tiegħi favur futur sostenibbli, inklużiv u kollaborattiv għas-settur tas-sajd fil-Mediterran.

Li nisima direttament lis-sajjieda u l-partijiet kollha li jaqalgħu x’jieklu minn dan is-settur, hi l-aktar ħaġa kruċjali. Minn dak li jgħiduli nitgħallem ħafna – kemm mill-isfidi li jaffaċċjaw kif ukoll mill-opportunitajiet li jaraw. Għalija, il-ħolqien tal-politika tas-sajd, għandha tkun ibbażata fuq djalogu kontinwu ma’ dawk li jgħixu permezz tal-baħar.

F’dawn l-aħħar xhur, ħadna passi konkreti f’Malta biex nifformalizzaw dan l-approċċ. Għaddejna riformi legali fil-Parlament biex inwessgħu l-kompetenzi tal-Bord Nazzjonali tas-Sajd. Dan għamilnih biex inqawwu l-leħen tas-sajjieda u ntuhom rwol iktar ewlieni fit-tfassil tal-politiki li jolqtuhom direttament.

Il-Mediterran qed jaffaċċja pressjonijiet serji: sajd żejjed, attivitajiet illegali, bidla fil-klima, u telf ta’ bijodiversità – sfidi li ma jieqfux fil-fruntieri tagħna. Għalhekk, għamilt appell biex ikollna koordinazzjoni reġjonali aktar b’saħħitha u ġustizzja fil-kontroll tas-sajd. Il-ħut, wara kollox, ma jagħrafx fruntieri. Jekk irridu niġġestixxu l-ilmijiet li naqsmu ma’ ħaddieħor, kull bastiment – kemm tal-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi – għandu josserva l-istess standards ta’ kontroll, trasparenza u sostenibbiltà.

Tennejt il-pożizzjoni ta’ Malta: irridu qafas regolarju ġust u ugwali għal kulħadd. Appoġġajt b’mod sħiħ il-ħidma kruċjali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), speċjalment il-Pjanijiet Konġunti u l-iskemi ta’ koordinazzjoni tagħha. Meta żort l-uffiċini tal-EFCA xi snin ilu, kont impressjonata ħafna bil-ħidma importanti li qed issir.

Madankollu, għad hemm bżonn ta’ aktar investiment. Ħeġġiġt lill-Aġenzija tkompli tinvesti f’monitoraġġ bis-satelliti, li tinvesti f’taħriġ ta’ spetturi u ppjanar ibbażat fuq ir-riskju. 

Malta qed tagħmel il-parti tagħha – żidna is-sorveljanza, saħħaħna l-kooperazzjoni ma’ stati oħra, u modernizzajna s-sistemi tagħna ta’ informazzjoni. Iżda bħala gżira żgħira b’riżorsi limitati, ma nistgħux nagħmlu dan waħedna. Il-qsim tal-piż u l-ħolqien tar-riżorsi, għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika tal-UE f’dan il-qasam.

Din il-konferenza kienet important ħafna għal pajjiżna, speċjalment minħabba l-fatt li s-sajd għadu kruċjali għal gżejjer bħal tagħna. Kienet important stante li l-MEDAC tagħmel ħidma kontinwa u konsistenti biex iwasslu l-vuċi tas-sajjieda fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet. 

Hekk għandha tinbena l-governanza tas-sajd – u Malta se tibqa’ kommessa li tappoġġja din il-missjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport