Monday, May 6, 2024

Ġuvni b’diżabilità intellettwali jammetti li kellu relazzjoni sesswali ma’ minorenni

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 27 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal 3 snin wara li aktar kmieni ammetta li kellu relazzjoni sesswali ma’ tfajla taħt is-16-il sena.

Mir-rapport tal-psikjatra u tal-psikologa li tqabbdu bħala esperti tal-Qorti rriżulta li l-ġuvni huwa vulnerabbli u għandu diżabbiltà intellettwali ħafifa.

Il-ġuvni kien akkużat mill-Prosekuzzjoni li f’Awwissu tal-2019 u anke fix-xhur ta’ qabel kien qiegħed jipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tfajla li dak iż-żmien kienet għadha taħt is-16-il sena.

Hu ammetta għal akkużi kontrih filwaqt li d-difiża talbet lill-Qorti biex qabel tingħata s-sentenza jsir rapport minn social worker dwar il-qagħda tiegħu.

Is-social worker fir-rapport ikkonkluda li huwa mhux jifhem kif dak li wettaq kien illegali u għalhekk issuġerixxa li għandu jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament.

Psikjatra li tkellmet ukoll mal-ġuvni kkonkludiet li hu għandu IQ baxx waqt li rapport ieħor minn psikjatra u anke psikologu wkoll sabu li l-ħsieb tiegħu mhuwiex dak mistenni għall-età tiegħu.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba tal-esperti u poġġiet lill-ġuvni taħt ordni ta’ probation għal 3 snin u ordni ta’ trattament għall-istess perjodu.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Kylie Borg.

Sport