Sirjan ta’ 22 sena residenti Ħal Tarxien ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest hekk kif kien mixli li ġiegħel tfajla ta’ 15-il sena tieħu sehem f’video call sesswali.
Saleh Almhemid Isa kien akkużat li fl-20 ta’ Jannar li għadda, ġiegħel, għal skopjiiet sesswali, persuna ta’ 15-il sena biex tipparteċipa fi mġiba espliċitament sesswali vera jew simulata jew wiri ta’ organi sesswali kif ukoll li kkorrompa lill-istess tfajla u li kiser ordni ta’ protezzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati.
Il-Prosekuzzjoni qalet li jumejn ilu missier it-tfajla kien għamel rapport li l-imputat kien reġa’ għamel kunatt ma’ bintu u dan ifisser ksur ta’ ordni tal-Qorti. Irraporta wkoll li kien irrekordja l-video call bejn bintu u l-akkużat.
Il-Pulizija tkellmu mat-tfajla u anke mal-imputat. Hu ġie arrestat filwaqt li fil-Qorti wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Id-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux qiegħda titlob ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Marshall Mallia.

