Miktub minn CARMEN CACHIA
Familja f’Wisconsin għadha kemm ħabret il-mewt mhux mistennija ta’ Isai Morocho, student ta’ 16-il sena wara li qabditu l-pnewmonja tal-Covid-19. Missier iż-żagħżugħ, Milton Morocho, qasam din it-traġedja ma’ aġenzija tal-aħbarijiet tal-lingwa Spanjola, Miwisconsin.com fejn qal li l-kawża tal-mewt ta’ ibnu ġiet determinata minn test tossikoloġiku li sarlu post mortem.
“Din hija telfa kbira għal kullħadd fil-komunità tagħna,” qal il-Kap tal-Iskola, Brendan Kearney li kellu jagħti in l-aħbar kerha lill-istudenti u lill-qraba. Huwa żied jgħid li jiddispjaċih ħafna għall-familja ta’ Isai u li ma jista’ jimmaġina l-uġigħ ta’ qalb li għaddejjin minnu f’dan il-mument ta’ dalma. F’vidjow li għamel Kearney qal li Isai kien student eżemplari u li kellu interess fit-teatru u fit-tisjir.
Missier il-vittma qal li ibnu kien qiegħed jitlef ħafna likwidu minħabba diarrhea u reġettar iżda ma deherx li kellu problemi bin-nifs li s-soltu jbatu minnhom pazjenti bil-Coronavirus.
L-istudent brillanti kien ukoll irriżulta negattiv għall-Covid-19 fl-isptar ftit jiem qabel miet.