Monday, August 11, 2025

Ġuvni ta’ 17-il sena akkużat li kkaġuna l-mewt ta’ Khim Bahadur Pun… jinżamm arrestat

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 17-il sena, residenti Ħal Qormi, ġie mixli li bi traskuraġni u b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti kkaġuna l-mewt ta’ Khim Bahadur Pun kif ukoll ikkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq persuna oħra. 

Huwa kien mixli li saq Maserati Levante b’mod perikoluż, mingħajr ma kellu liċenzja u polza ta’ assigurazzjoni u waqt li kien taħt l-influwenza tax-xorb kif ukoll li saq b’veloċità għolja li eċċediet il-limitu ta’ veloċità. 

Akkużi oħra kontrih jgħidu li meta kien involut f’inċident tat-traffiku naqas milli jieqaf jew javża lill-awtoritajiet dwar l-istess inċident u li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.

Il-ġuvni kien mixli wkoll li għamel ħsara fuq mutur tal-għamla Kymco Agility u fuq tmien karozzi oħra.

Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża talbu divjet fuq isem l-imputat u fuq isem il-ġenituri tiegħu fid-dawl li l-imputat huwa minuri. Il-Qorti laqgħet din it-talba.

L-imputat, li fil-Qorti qal li hu student, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tar-reat kif ukoll għad hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu, fosthom ħbieb tal-imputat u għalhekk jista jkun hemm intralċ ta’ provi. Barra minn hekk, il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat allegatament ħarab minn fuq il-post u kien biss wara x-xogħol tal-pulizija li rnexxielhom jintraċċawh.

L-Avukat Jason Grima, li deher għall-imputat, argumenta li diġà ttieħdet ix-xhieda tal-persuni filwaqt li hemm ukoll filmati tas-CCTV li juri x’tassew ġara. Huwa għamel ukoll referenza għall-każ ta’ Benjamin Chetcuti fejn f’dak il-każ kienet ittieħdet ukoll ħajja iżda meta l-Qorti rat iċ-ċirkostanzi tal-każ, ingħata l-ħelsien mill-arrest. Huwa żied jgħid li f’dan il-każ l-imputat huwa minorenni u għadu wkoll preżunt innoċenti.

F’ħin minnhom, l-Avukat Difensur stqarr li “hemm barra kulħadd jaf is-sewqan ta’ dawn il-muturi kif inhu”, kumment li ġab reazzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni u l-Avukat tal-parte civile anke meta wieħed jara l-filmat ta’ kif seħħ l-akkadut, bil-Qorti tgħid li dan l-argument mid-Difiża ma jreġix għall-fini ta’ ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni qalet li x-xhieda għadhom iridu jixhdu. F’dan il-każ għandna tliet vittmi – persuna li tilfet ħajjitha, tfajla ta’ 18-il sena bi sfreġju f’wiċċha, u hemm persuna ieħor ta’ 18-il sena li għad irid jixhed ukoll. 

“Morna fuq il-post fil-5.30 a.m. Sibna karozza vojta. Sibna tfajla mitlufa minn sensieha. Dan il-persuna sibnih ħames sigħat wara. Wara ħafna insistenza mal-ġenituri, mar l-Għassa l-Marsa biex jiġi arrestat. It-test tal-breatahalyser sarlu ħames sigħat wara u tela’ 41, l-ammont ħames sigħat qabel kien ħafna aktar għoli.”

“Waqt li ħadna xhieda ta’ missieru u ta’ sid il-vettura li hi reġistrata fuq zijuh, jidher li z-ziju kien ta ċ-ċwievet lill-missier l-akkużat. Kien jużaha missieru. Fl-entratura għandhom unit u f’waħda mil-kxiexen ipoġġi ċ-ċwievet tal-vettura. Irriżulta li meta daħal jorqod il-missier, it-tifel jista’ jkun ħadlu l-karozza u użha. S’issa jirriżultalna li din hi l-ewwel darba li ġrat. 

“Din instaqet f’diversi postijiet f’Malta. L-ewwel inċident li kellu madwar Malta kien Birkirkara fejn għandna provi li dan mar ukoll il-Mosta u postijiet oħra. Konoxxenza tas-sewqan jidher li għandu. L-akkużat kellna mmorru nfittxuh aħna… telaq minn fuq il-post u saħansitra għadda minn mal-vittma mejjet mal-art u lanqas indenja ruħu jċempel għall-għajnuna. Hu u sieħbu telqu minn fuq il-post. Għandna filmati għaddejjin minn mal-vittma mal-art u saħansitra rawh b’għajnejh magħluqin. 

“Dan ta’ 17-il sena saq. M’għandux liċenzja.”

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Nicholas Vella flimkien mal-Avukat Danika M. Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Jason Grima deher għall-imputat.

L-Avukat Jacob Magri deher għall-familjari ta’ Khim Bahadur Pun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport