Jurgen Lee Farrugia ta’ 20 sena residenti l-Mosta ġie ordnat biex jagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunità u anke se jkun taħt ordni ta’ trattament għal ħames snin wara li nstab ħati li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tfalja ta’ 15-il sena fil-Barrakka ta’ Fuq.
L-imputat kien mixli li fis-16 ta’ Awwissu ta’ sentejn ilu ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt is-16-il sena fil-Belt Valletta..
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ wara li sar rapport mill-ġenituri tat-tfajla. Dwar dan il-każ infeħet ukoll inkjesta maġisterjali.
Fix-xhieda tagħha t-tfajla qalet li hija kienet iltaqgħet mal-ġuvni fil-festa taż-Żejtun u wara fil-festa tal-Imqabba. Huma ftehmu biex jiltaqgħu l-Belt fil-ġranet ta’ wara. Xehdet li l-imputat kien talabha biex tibgħatlu ritratti tagħha għerwiena, iżda hija kienet bagħtitlu ritratti bil-ħwejjeġ.
Kompliet tixhed li hekk kif iltaqgħu l-Belt ipprova jikkonvinċiha biex jidħlu fil-kamra tal-banja biex ikun jista’ jmissha sesswalment imma hija ma riditx.
It-tfajla qalet quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li wara marru l-Barrakka ta’ Fuq fejn ġiegħelha tpoġġi fuqu u daħħal idejh fil-parti privata tagħha. Huwa waqaf wara li qaltlu biex jieqaf u marru lura d-dar bil-karozza tal-linja.
Fil-proċeduri xehdu wkoll il-ġenituri tat-tfajla fejn spjegaw dwar kif saru jafu b’dak li kien seħħ.
Xehdu wkoll professjonisti li kienu involut fl-investigazzjoni fosthom psikologa edukattiva li qalet li l-abbiltajiet konjittivi tat-tfajla huwa baxx għall-età tagħha.
Il-ġuvni ammetta li kien involut f’atti sesswali mat-tfajla u fuq l-ammissjoni tiegħu stess il-Qorti sabitu ħati.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li kkonsidrat diversi fatturi fosthom il-fedina penali netta tal-ġuvni, il-fatt li l-att sar bil-kunsens tagħha u anke li wera rimors u kkonkludiet li piena effettiva ta’ ħabs ma kinitx adattata anke għax lanqas il-prosekuzzjoni ma insistiet fuq dan.
Il-Qorti qieset ukoll li ġie kkonfermat li huwa jbati mill-ADHD li ġġiegħlu jkun impulsiv u sostniet li lanqas taqbel li ismu jintiżżel fir-reġistru ta’ dawk li jabbużaw mill-minorenni għax id-differenza fl-età bejnu u bejn it-tfajla ma kinitx kbira.
Wara li qieset kollox, il-Qorti ordnat lill-imputat jagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunità, isegwi ordni ta’ trattament għal 5 snin u ħarġet ordni ta’ trażżin għal 3 snin biex tipproteġi lit-tfajla.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukat Jennifer Polidano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Marshal Mallia.

