Monday, November 11, 2024

Ġuvni u tfajla l-Isptar wara ħabta fis-Siġġiewi

Aqra wkoll

Il-kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani kkonferma ma’ Talk News li kienu żewġ persuni li ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza wara inċident li seħħ fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi s-Siġġiewi.

Jirriżulta li l-ħabta seħħet bejn vann li kien misjuq minn raġel ta’ 42 sena residenti r-Rabat Malta u mutur tal-għamla Benelli li kien misjuq minn raġel ta’ 21 sena residenti s-Siġġiewi u miegħu passiġġiera kellu tfajla ta’ 19-il sena miż-Żurrieq.

Kemm is-sewwieq u l-passiġġiera tal-mutur ingħataw il-kura fuq il-post, iżda ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura filwaqt li s-sewwieq tal-vann ma sofra l-ebda ġrieħi.

Aktar tard fi stqarrija l-Pulizija qalu li l-ġuvni jinsab fil-periklu tal-mewt fil-każ tat-tfajla qed issofri minn ġrieħi gravi. Dwar il-każ infetħet inkjesta.

Il-pulizija għadhom qegħdin jinvestigaw il-każ.

Aktar kmieni: Ħabta bejn karozza u mutur fis-Siġġiewi tħalli mill-inqas żewġ persuni feruti

Ftit tal-minuti ilu seħħ inċident tat-traffiku bejn karozza u mutur fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi s-Siġġiewi u fuq il-post għadu kemm wasal tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

Persuni fuq il-post qalulna li kawża tal-ħabta żewġ persuni spiċċaw mal-art u t-tim mediku qiegħda jagħtihom l-ewwel għajnuna.

Il-pulizija ġew informati b’dan il-każ u mill-ewwel marru fuq il-post fejn bdew l-investigazzjonijiet tagħhom.

Il-kundizzjoni tal-persuni nvoluti fil-ħabta s’issa għadha mhix magħrufa.

Aktar dettalji kif jaslulna.

Sport