Saturday, November 23, 2024

Ġuvnott ta’ 16-il sena jegħreq fi vjaġġ ta’ tama lejn ir-Renju Unit

Aqra wkoll

Forsi mhux kulħadd għadu jiftakar ix-xeni ta’ Alan Kurdi, dak it-tifel żgħir Sirjan li ftit snin ilu kien instab mejjet fuq xtajta Torka meta flimkien ma’ familtu kienu qed jaħarbu mill-kunflitt imdemmi mis-Sirja. Kien ritratt li qajjem għadab mad-dinja kollha, għalkemm kif mistenni intesa wara ftit. Mhux biss intesa imma it-tbatija tal-immigranti li jaqsmu lejn l-Ewropa baqgħet hemm, anzi saret aktar diffiċli.  Fl-aħħar sigħat sar magħruf każ simili. Ġuvnott ta 16-il sena jinstab bla ħajja fuq ix-xtajta Franċiża. Dan wara li hu pprova jaqsam minn Franza lejn l-Ingilterra. Vjaġġ ta’ tama għal ħajja aħjar li spiċċa fi traġedja.

Dan il-każ qed iqajjem rabja fost għadd ta’ għaqdiet u organizazzjonijiet li jaħdmu mill-qrib mal-immigranti u r-refuġjati. 

Marlene Schiappa, li hi inkarigata mill-qasam taċ-ċittadinanza tal-Gvern Franċiż,  qalet li dan il-ġuvnott instab fix-xatt ta’ Sangatte fl-aħħar sigħat.  Hi saħqet li dan il-każ juri li hemm bżonn azzjoni kontra it-traffikanti tal-bnedmin, li qed jisfruttaw l-immigranti li hemm jgħixu f’kampijiet f’Calais.

Dan il-ġuvnott jidher li sparixxa għal xi ftit jiem u wara instab fuq ix-xtajta.  Nhar il-Ħadd li għadda ammont ta’ immigranti daħlu fix-xtajta ta’ Dover fir-Renju Unit. Il-kunsill ta’ Kent County, ħabbar li laħaq il-kapaċità ta’ kemm jiflaħ immigranti”.

Fis-6 ta’ Awwissu, madwar 235 immigrant kienu interċettati fil-fliegu Ingliż u dan kien rekord ta’ immigrant għal jum wieħed. 

Bella Sankey, id-Direttur ta’ Detention Action, iddikjarat li “ninsabu imkissrin li nisimgħu li ġuvnott għereq fil-fliegu waqt li pprova jasal fir-Renju Unit.  Dan hu każ orribbli”. 

Sport