Sunday, December 22, 2024

Ġużeppi De Piro, li kien ġej min familja nobbli, warrab kollox u twaħħad mal-foqra li fosthom kien jaħdem

Aqra wkoll

Fit-23 ta’ Novembru tal-1922, miet għall-għarrieda Dun Ġorġ Buġeja, it-tielet Direttur tad-Dar ta’ San Ġużepp, fil-Ħamrun. F’dak iż-żmien kien hemm f’din id-dar madwar mitejn tifel bejn seba’ u tmintax-il sena. Wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija, f’Malta kien hemm faqar kbir u għalhekk kien hemm bżonn kbir ta’ dawn l-orfanatrofji għat-tfal subien u bniet. Dakinhar stess tal-mewt ta’ Buġeja, l-Isqof ta’ Malta kiteb nota lil Ġużeppi De Piro fejn innominah Direttur ta’ dan l-orfanatrofju. De Piro baqa’ f’din il-kariga sa jum mewtu.

Ġużeppi De Piro beda juri nteress f’din id-Dar sa minn meta kien għadu student fl-Università ta’ Malta. Aktar tard, bħala seminarista, xtaq li bħala saċerdot imur jgħix u jaħdem fost dawn it-tfal u żgħażagħ.Bejn l-1905 u l-1922, kien hemm drabi meta Buġeja talbu biex jieħu ħsieb tad-Dar waqt li hu kien imsiefer għall vaganzi. Buġeja kien anke jitlob lil De Piro biex jibgħat xi membri tas-Soċjetà li kien għadu kemm waqqaf, biex jieħdu ħsieb it-tfal.

Ġużeppi De Piro kien ta missier għal dawn l-ulied orfni. Huma ma kienux biss foqra materjalment, imma anke għaliex kienu tilfu lil xi ħadd mill-ġenituri tagħhom u allura ma kienx aktar possibli għalihom li jgħixu fid-dar tal-familja. Billi Malta kienet għaddejja minn żmien ta’ faqar kbir, id-djar tal-karità, li kienu jiddependu mill-ġenerożità tal-Maltin, ftit kellhom flus biex jieħdu ħsieb it-tfal li kienu joqgħodu hemm.

Fi żmien Monsinjur Franġisku Bonnici, li fetaħ id-Dar ta’ San Ġużepp fl-1888, kienu joħorġu jittallbu l-Fratelli tal-Karità, li hu kien ġabar madwaru biex jgħinuh fit-tmexxija tad-Dar.

Nhar ta’ Ħamis, De Piro kien sikwit iżur xi familji għonja Maltin u jitlobhom jagħtuh xi ħaġa għat-tfal tad-diversi orfanatrofji li kien jieħu ħsieb. Meta kienu jispiċċaw il-flus, hu ma kienx iħobb imur iħabbat fuq il-bibien tan-nies. Minflok, kien joqgħod jippassiġġa fit-triq, iħares lejn l-art, sakemm xi ħadd joħroġ u jagħtih dak li kellu bżonn għat-tfal. In-nies kienu drawh; meta kienu jarawh tiela’ u nieżel fit-triq kienu jindunaw li kellu bżonn il-flus.

Minkejja din is-sitwazzjoni, De Piro kien jieħu ħsieb li, sa fejn ikun possibli, it-tfal kien ikollhom ikel tajjeb u abundanti, iżda ma kienx jieħu gost jara ħela. Xi wħud li kienu tfal fid-Dar ta’ San Ġużepp stqarrew li l-ikel ma kienx ikun tajjeb ħafna, imma li kien ħafna aħjar minn dak li kienu jieklu kieku kienu jgħixu mal-
ġenituri tagħhom.

Ġużeppi De Piro kien jara li t-tfal ikollhom ikel tajjeb. Meta kien ikun fid-Dar ta’ San Ġużepp kien jagħmel ħiltu biex jiekol hemm. Sintendi l-koki kienu jippruvaw li joffru lid-Direttur l-aħjar ikel li setgħu jagħtuh, iżda hu kien jinsisti li jiekol mill-ikel li jkunu ser jieklu t-tfal. B’hekk il-koki kien ikollhom joqgħodu attenti li jagħtu lit-tfal ikel tajjeb. Id-Direttur ma kienx irid li jieħu mill-ftit riżorsi li kellha d-Dar, allura, qabel jitlaq, kien ippoġġi xi flus minn tiegħu fil-kaxxa li kien hemm għad-donazzjonijiet għad-dar.

De Piro ħaseb wkoll fil-kwalità ta’ ħwejjeġ li kienu jilbsu t-tfal. Il-ħwejjeġ ta’ ġewwa ma kinux ikunu ħwejjeġ tajbin ħafna, iżda hu kien jara li t-tfal ikollhom ħwejjeġ puliti meta joħorgu jew imorru d-dar. Diversi tfal ma kienx ikollhom żarbun x’jilbsu, għax il-familja tagħhom ma kelliex biex tixtrilhom. De Piro ra li dan ma kienx sew u ħaseb biex it-tfal kollha jkollhom żarbun x’jilbsu.

Ġużeppi De Piro ħa ħsieb li t-tfal ikollhom edukazzjoni tajba. Fi żmien meta it-tagħlim kien għadu mhux obbligatorju f’Malta, De Piro ħa ħsieb li fid-Dar ta’ San Ġużepp it-tfal jiġu edukati tajjeb. Hu impjega għalliema biex jgħallmu l- matematika, il-Malti, l-Ingliż u t-Taljan. Fl-orfanatrofju kien hemm erba’
klassijiet. L-ewwel tnejn kienu għaż-żgħar li ma jkunux għadhom bdew istudjaw sengħa. Fit-tielet klassi kienu jagħmlu s-sengħa tagħhom filgħodu u jistudjaw wara nofsinhar. Dawk tar-raba’ klassi kien ikollhom is-sengħa l-ġurnata kollha u jistudjaw filgħaxija.

Fid-Dar ta’ San Ġużepp it-tfal setgħu jitgħallmu s-snajja ta’ tipografu, stampatur, legatur, mastrudaxxa, ħajjat jew skarpan. Biex juri kemm kien importanti x-xogħol li kienu qed jagħmlu, meta kien ikun fid-Dar, De Piro kien joqgħod attent li jmur jara ż-żgħażagħ fil-ħanut tas-sengħa tagħhom jew fil-klassi. Kien anke
jorganizza ġurnata ta’ premjazzjoni fejn juri l-apprezzament tal-ħidma li kienu jagħmlu. Dan it-tagħlim kien ta’ siwi kbir għat-tfal u żgħażagħ u diversi kienu jfittxu li jimpjegaw magħhom tfal tad-Dar ta’ San Ġużepp għax dawn kellhom fama li kienu edukati u li kienu jafu s-sengħa tagħhom tajjeb.

Fi żmien id-Direttur Dun Ġorġ Buġeja, kien hemm ukoll xi membri tad-De La Salle jieħdu ħsieb il-ħajja ta’ kuljum tat-tfal. Dawn kienu bdew jgħallmu l-mużika liż-żgħażagħ u ffurmaw banda. Ġużeppi De Piro ħa ħsieb biex isaħħaħ din il-banda taż-żgħażagħ. Filwaqt li l-kbar kienu jgħallmu lil dawk iżgħar minnhom, De Piro anke ħa ħsieb jimpjega lis-surmast Muscat Azzopardi u s-surmast Abela Scolaro, l-aħjar surmastrijiet fi żmienhom, biex jgħallmu t-tfal.

It-tfal kienu jagħżlu jekk riedux jieħdu sehem fil-banda. Dawk li jidħlu fil-banda kellhom il-vantaġġ li kienu jiġu mistiedna jdoqqu fil-festa f’diversi rħula Maltin. Biex tingħata aktar importanza lill-membri tal-banda, meta joħorgu huma kienu jilbsu uniformi differenti mit-tfal l-oħra. Kienu anke jingħataw xi ftit tal-flus aktar mit-tfal l-oħra fl-okkażjoni tal-festa.

Fil-Ministeru, Ġużeppi De Piro kien anke jieħu ħsieb il-familjari tat-tfal u dawk li kienu jaħdmu fid-Dar fost it-tfal. Diversi drabi De Piro kien jagħti għajnuna finanzjarja anke lill-ġenituri tat-tfal. Fi żmien meta il-gvern ma kienx joħroġ pensjoni lill-ħaddiema tiegħu jew lir-romol, De Piro kien jieħu ħsieb li joħroġ pensjoni żgħira lil xi ħaddiema li jkunu weġġgħu fuq ix-xogħol, jew lil xi armla li tilfet ir-raġel tagħha waqt li kien jaħdem fid-Dar.

Żgur li fil-Qaddej ta’ Alla Ġużeppi De Piro, it-tfal u ż-żgħażagħ li kienu jgħixu fid-Dar ta’ San Ġużepp kienu sabu missier ħanin li kien lest li jagħtihom mhux biss flusu kollha, iżda lilu nnifsu kollu kemm hu. Fuq l-eżempju ta’ Kristu, De Piro, li kien ġej min familja nobbli u sinjura, warrab kollox u twaħħad mal-foqra li fosthom kien jaħdem.

Ekonomija

Sport