Monday, September 29, 2025

Gvern bi pjan fit-tul għal pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Viżjoni Malta 2050, li bħalissa għadha fl-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika, tolqot aspetti u setturi differenti filwaqt li se tippermetti li pajjiżna jkollu qafas ta’ politika u direzzjoni ċara li tmur lil hinn minn ċiklu politiku ta’ ħames snin.

Din il-viżjoni fit-tul għal pajjiżna li tnediet mill-Gvern jidher li diġà attirat interess qawwi tant li matul ix-xhur tas-Sajf ġew organizzati għexieren ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u inizjattivi oħra fejn komplew jinġabru l-ideat u s-suġġerimenti tan-nies. Il-pilastri ewlenin li fuqhom hi msejsa din il-viżjoni huma tkabbir ekonomiku sostenibbli, servizzi aċċessibbli li jqiegħdu liċ-ċittadin fiċ-ċentru, pajjiż reżiljenti b’sistema ta’ edukazzjona u l-użu intelliġenti tal-art u l-baħar. 

Nemmnu iżda li biex din il-viżjoni tkun waħda ta’ suċċess jeħtieġ li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu sabiex il-miri li se jiġu mfassla għall-10 u 25 sena li ġejjin ikunu jistgħu jintlaħqu. Għalhekk nemmnu li kien importanti li l-Gvern ikompli jisma’ dak li għandhom xi jgħidu n-nies, hekk kif dan il-pjan ambizzjuż se jkun qiegħed jolqot lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

F’dan ir-rigward ukoll, il-Gvern qiegħed iħares lejn proġetti varji, uħud minnhom maġġuri, fosthom dawk relatati mas-soċjal, is-saħħa, l-infrastruttura, l-ambjent, u l-qasam tal-enerġija. Dwar din tal-aħħar, bħala kamra tal-aħbarijiet, fl-aħħar jiem kellna l-okkażjoni li nżuru Ragusa biex insegwu l-andament tax-xogħlijiet li għaddejjin b’rabta mal-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija. 

Dan il-proġett, li se jiġi jiswa mat-€300 miljun, b’€165 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej, se jkun qed itejjeb u jżid l-integrazzjoni tal-enerġija rinovabbli minn sorsi lokali, inkluż il-proġett tal-offshore floating windfarm. Huwa proġett li filwaqt li mistenni jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, se jgħin biex pajjiżna jmexxi ’l quddiem il-miri tad-dekarbonizzazzjoni ta’ Malta. 

Għalhekk, dan il-proġett jinkorpora perfettament mal-miri li qed iħares lejhom il-Gvern għas-snin li ġejjin f’dan il-qasam. B’aktar investimenti bħal dawn, qed ikun garantit futur ta’ enerġija sigur, reżiljenti u sostenibbli għar-residenti lokali. Inħarsu ’l quddiem għat-twettiq ta’ aktar proġetti simili li ċertament se jkunu qegħdin iwittu t-triq biex jintlaħqu l-miri stipulati fis-snin li ġejjin. 

Għalhekk huwa ċar li l-viżjoni li qed iħares lejha l-Gvern tgħaqqad flimkien setturi varji u fuq kollox il-benesseri taċ-ċittadini. Aħna ningħaqdu ma’ kull inizjattiva li ssir sabiex tinkoraġġixxi aktar lill-pubbliku jipparteċipa u jikkontribwixxi bil-fehmiet tiegħu għat-twettiq konkret tal-Viżjoni Malta 2050.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport