Saturday, April 12, 2025

GVERN B’PASSI GĦAQLIN FAVUR IL-FAMILJI

Aqra wkoll

Fatt innegabbli llum bla dubju huwa li l-familji Maltin u Għawdxin qed jgħixu ħajja aħjar milli kellhom sa ftit tas-snin ilu. Il-kwalità tal-għejxien tan-nies tjiebet ferm permezz tal-għadd ta’ miżuri soċjali li ddaħħlu matul is-snin b’mod partikolari mill-2013 lil hawn. 

Miżuri soċjali li jista’ jingħad li jolqtu lil membri tal-familji kollha minn tfal u żagħżagħ sa pensjonanti. Illum -il ġurnata l-familji qed igawdu b’mod sikur minn sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, childcare u trasport pubbliku bla ħlas, żidiet fl-istipendji u fil-penzjonijiet, biex insemmu ftit minn dan kollu.

Dan apparti li l-edukazzjoni u s-saħħa huma b’xejn għal kulħadd, grazzi għal l-ekonomija nazzjonali li kull ma jmur qed tkompli tikber, li l-poplu kollu qed igawdi mill-frott tagħha.  F’dawn l-aħħar jiem issemmew ukoll, li għadhom fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika l-leave li jingħata lin-nisa li jgħaddu mit-trawma ta’ korriment fit-tqala. F’dan il-proċess, se jkun diskuss ukoll jekk għandux jingħata wkoll leave lil partner li wkoll ikun għaddej minn dan il-perjodu. 

Jekk u meta tiddaħħal din il-miżura li hija waħda nnovattiva u li qatt ma’ kellna bħalha qabel, se jkun il-Gvern li jerfa’ l-piż tal-ispejjeż kollha u b’hekk min iħaddem ma jintefax taħt pressjoni. Apparti dan kollu, il-familji Maltin u Għawdxin se jibdew jibbenfikaw minn għotjiet ġodda u mtejjba għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilm. Dawn l-għotjiet skont ma tħabbar se jlaħħqu maż-€2 miljun. 

Din il-miżura se sservi ta’ appoġġ aktar b’saħħtu mill-Gveern biex il-familji jinvestu f’soluzzjonijiet li jiffrankaw l-enerġija u l-ilma fid-djar tagħhom. Barra l-aspett soċjali, din l-inizjattiva tenfasizza l-importanza li l-familji jagħmlu għażliet sostenibbli li jagħmlu sens u b’hekk  jintlaħqu l-għanijiet ambjentali ta’ Malta, filwaqt li fl-istess ħin jgħinu lill-familji jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom. 

B’dawn il-miżuri kollha jixhdu li l-Gvern preżenti huwa Gvern tan-nies u għan-nies. Għalhekk ma jistax jonqos illi l-ġid li joħrġ mit-tkabbir ekonomiku sena wara l-oħra jgħaddih lil familji Maltin l-iktar lil dawk vulnerabbli biex il-kwalità tal-ħajja tagħhom tkun dejjem aħjar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport