Is-sena 2026 hija sena importanti għall-ġejjieni ta’ pajjiżna. Fiha se naraw il-Gvern iressaq diversi riformi, iwettaq proġetti ġodda u fuq kollox itellaq il-Viżjoni Malta 2050. Dwar din tal-aħħar, il-Prim Ministru Robert Abela fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida, iddeskriva l-viżjoni bħala pjan komprensiv għal pajjiżna u dan wara proċess li fih saret konsultazzjoni ma’ kulħadd.
Il-Viżjoni Malta 2050 tpoġġi quddiem tliet miri ewlenin, fosthom li pajjiżna jitla’ mal-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fejn jidħol l-iżvilupp uman. Mira oħra hija li d-dħul tal-familji fis-soċjetà jaqbeż b’terz dak ta’ familja medja Ewropea. It-tielet mira hi li f’pajjiżna jkollna livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja fost l-aqwa ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Kif qal il-Prim Ministru nnifsu, jekk dawn il-miri jsiru kisbiet għall-familji li huma tant għal qalb il-Gvern, kif esprima t-twemmin sħiħ tiegħu li dan se jirnexxilu jsir, dawn se jkollhom prosperità ġdida. Sabiex din il-viżjoni tittellaq, kien meħtieġ ukoll li l-Gvern iressaq l-aqwa Budget fl-istorja, Budget li bih qed isir investiment bis-saħħa fil-familji.
Il-miżuri li tħabbru fil-budget, fil-fehma tagħna jwittqu t-triq għal Viżjoni Malta 2050. Dan bil-għan li jitkompla l-progress ekonomiku u soċjali li jtejjeb aktar il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Fuq kollox l-għan tal-Gvern Laburista huwa li għada jkun aħjar mil-lum. Dan b’enfasi fuq il-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.
F’dan l-isfond, il-General Workers’ Union kienet ukoll fuq quddiem nett li pproponiet Viżjoni u Pjan Strateġiku ħolistiku għal Malta għall-ewwel darba lura fl-2008. Anke l-proposti tagħha ppreżentati f’diversi budgets matul dawn l-aħħar snin kienu xprunati mill-idea li permezz tat-trasformazzjoni meħtieġa, bi tragwardi, flimkien naslu għal kwalità ta’ ħajja fost l-aqwa fl-Ewropa u lil hinn.
Għalhekk ninsabu konvinti li din il-viżjoni għandha twassal għall-qabża li jmiss fil-kwalità tal-ħajja tagħna. Il-prijoritajiet tal-poplu jinbidlu matul iż-żmien u bi pjan ħolistiku nistgħu nilqgħu u nantiċipaw ċerti problemi u sfidi u naħdmu flimkien għal futur aħjar għalina u għal uliedna.


